Fi tlett snin ir-rata ta’ impjiegi żdiedet b’aktar miż-żieda fit-tlettax il-sena ta’ qabel meħuda flimkien

Il-Labour Force Survey ippublikata din il-ġimgħa tikkonferma li pajjiżna għandu l-ogħla rata ta’ impjiegi fl-istorja. Fit-tieni kwart tal-2016, ir-rata ta’ impjiegi f’Malta laħqet il-65.7%. Fl-istess żmien matul l-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti r-rata kienet 58.7%.

Fil-fatt, fl-ewwel tlett snin ta’ din il-leġislatura, ir-rata ta’ impjiegi żdiedet b’aktar milli żdiedet fit-tlettax-il sena ta’ qabel meħuda flimkien.

Sa tmiem Ġunju kien hemm aktar minn 191,000 persuna jaħdmu, li tfisser żieda ta’ 3.5% fuq is-sena ta’ qabel. Din iż-żieda, b’kuntrast għal dak li kien jiġri taħt l-amministrazzjoni preċedenti, kienet kollha f’impjiegi full-time, u mhux part-time.

Fost l-aktar li bbenifikaw miż-żieda fl-impjiegi kien hemm in-nisa. Filwaqt li fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti 43% tan-nisa kellhom impjieg, dan il-proporzjon issa tela għal 53%. Kien hemm żieda qawwija wkoll fl-impjiegi fost persuni ta’ aktar minn 55 sena, li issa għandhom rata ta’ impjiegi ta’ 44% kontra l-34% fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.

Permezz ta’ dawn iż-żidiet rekord, ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna waqgħet għal 4.9% fit-tieni kwart tal-2016, meta fl-istess żmien matul l-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti kienet 6.4%. Il-qgħad għat-tieni kwart tal-2016 huwa fil-fatt fl-inqas rata tiegħu għal dan il-perjodu mindu l-Eurostat beda jiġbor dawn il-figuri għal Malta sittax-il sena ilu.

Il-Labour Force Survey juri wkoll li, matul it-tieni kwart tal-2016, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, il-pagi f’pajjiżna għolew b’4.2%, jew bi €703 fis-sena (€13.52 fil-ġimgħa). Fi żmien meta l-inflazzjoni kienet 0.9%, dan ifisser titijib ta’ 3.3% fil-poter ta’ akkwist tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

B’ kuntrast, fl-aħħar sena taħt l-amministrazzjoni preċedenti, il-paga medja kienet għoliet b’1.9%, fi żmien meta l-inflazzjoni kienet 2.4%, jiġifieri tnaqqir ta’ 0.5% fis-saħħa tal-paga medja.

Skont l-NSO, il-paga medja f’Ġunju 2016 kienet €17,109, meta f’Marzu 2013 kienet €15,923. Filwaqt li l-Oppożizzjoni ssostni li hawn għafsa fil-pagi u li l-paga medja qed tonqos, l-istatistika uffiċjali turi titjib ta’ kważi €1,200, jew 7.5%, fi tlett snin.

Dawn huma riżultati pożittivi li fuqhom wieħed jista jkompli jibni biex isir aktar progress f’dan il-qasam. Huwa għalhekk li, fix-xhur li ġejjin anke permezz tal-miżuri fil-Budget, il-Gvern se jkompli jaħdem biex aktar nies joħorgu jaħdmu u biex tkompli titjieb il-kwalità tal-impjiegi f’pajjiżna.