Dan il-cartoon ġie ppublikat għall-ewwel darba minn Politicalcartoons.com, fl-Istati Uniti fit-18 ta’ Marzu, 2020 minn Dave Granlund
Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet il-virus SARS-CoV-2 illum tkellem dwar allegazzjonijiet li qed jidhru fil-media lokali li jgħidu li dan tal-aħħar qed jaħdem differenti u għalhekk huwa ħati għaż-żieda qawwija f’każijiet reċenti tal-marda Covid-19.
Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar x’qed jagħmel biex il-Covid-19 issa sploda, il-virus sostna, “Le ta’ sieħbi. Għandek informazzjoni ħażina għall-kollox. Nassigurak li għadni nagħmel kollox l-istess. Jekk tħares lejn il-graffs ta’ Charmaine tinduna li sa Awwissu kollox kien miexi ħarir għalikom u jien ma stajtx inqabbad difrejja. Imbagħad donnu kulħadd qabad itiha għal ħala, kulħadd qisu qatt ma ħareġ mid-dar u naturalment hux, jien ġieni ċ-ċans biex nagħmel ħoss u hekk għamilt.
“U ħa ngħidlek ehh, issa trid tara l-graff ta’ Charmaine. BOOM!,” ikkummenta b’sodisfazzjon il-virus, “Għalkemm dawn in-numri ma nistax nieħu l-mertu tagħhom jien. Din l-isplużjoni fil-każijiet ġodda huwa mertu tal-istupidaġni u traskuraġni tagħkom il-bnedmin. Tgħidu xi tgħidu u temmnu x’temmnu jien ma nbdiltx, huwa intom li ma tobdux ir-regoli, li tiġru barra bil-maskli taħt geddumkom, mingħalikom ħa titmejjlu bil-forzi ta’ l-ordni.”
“Tajjeb li wieħed jinnota li f’dan kollu ta’ l-inqas jien konsistenti, mhux bħalkom il-bnedmin – Daqqa toħorġu ċċapcpu lit-tobba u n-nersis, daqqa tiġu taqgħu u titnejjku li dawn qed jissugraw ħajjithom, daqqa msakkrin ġewwa għoddkom sirtu qiskom faqqiegħ biex imbagħad toħorġu tiżżablu qisu għada mhux ser jasal. Filli lin-nanna nkebbuha fit-tajjar u filli nibagħtuha ttieha għall-ħala ġo xi sala tat-tombla. Iddeċiedu Man! Ta’ l-inqas miegħi tkun taf fejn int qiegħed għax jien dejjem l-istess, nattakka, nmarrad u noqtol l-istess – intkom l-anqas diskorskom, għax minn filgħodu għal filgħaxija ukoll jinbidel,” temm jgħid kemmxejn iddisgustat il-virus.
Avviż: Din hija storja semi-fittizja u għalhekk dawk il-qarrejja li jħossu li jistgħu jiġu offiżi u/jew konfużi b’din is-satira huma mitluba biex idawwru l-paġna minnufih