Kampanja favur l-indafa f’Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret it-twaqqif ta’ teams ġodda ta’ ħaddiema (intervention teams) biex jintervjenu fil-bajjiet u fiż-żoni ffrekwentati mit-turisti u mill-pubbliku. Il-Ministru Caruana qalet li l-ħsieb wara din l-inizjattiva hu biex ikollna struttura organizzata biex isiru interventi fil-pront fejn ikun hemm bżonn u jkun hemm moniteraġġ kontinwu li jiżgura aktar indafa. Hi kompliet tgħid li l-ħidma tissokta wkoll fix-xitwa madwar il-kampanja.

“Hija waħda mill-prijoritajiet tal-Ministeru għal Għawdex li jkollna kampanja kontinwa dwar il-ħtieġa tal-indafa f’Għawdex u hu għalhekk li qed nieħdu bosta inizjattivi li jqajmu kuxjenza u nżidu s-servizzi li jiżguraw li Għawdex jinżamm nadif”, qalet il-Ministru Caruana.

Il-persuni li qed jiffurmaw dan it-team huma ħaddiema tal-Gvern stess u li ngħataw rwol speċifiku bi dmirijiet apposta. Se jingħataw l-apparat meħtieġ biex ikunu jistgħu jintervjenu fuq il-post stess hekk kif tkun identifikata l-ħtieġa jew isir ilment mill-pubbliku. Il-ħaddiema se jkollhom uniformi u vetturi li jidentifikawhom u b’hekk il-pubbliku jista’ jressqilhom l-ilmenti mal-ewwel.

Biex il-pubbliku jkun jista’ jgħin u jipparteċipa f’din l-inizjattiva, kif ukoll biex jitressqu l-ilmenti, twaqqaf Freephone apposta 80075556, kif ukoll email address: servizz.mgoz@gov.mt. Qed tiġi wkoll żviluppata mobile app li se titħabbar iktar ’il quddiem u b’hekk il-pubbliku se jkun jista’ wkoll jibgħat ritratti tal-abbużi li jara.

Il-Ministru fissret kif b’dawn l-inizjattivi l-Ministeru qed juri d-determinazzjoni tiegħu għal Għawdex iktar nadif u jistenna l-kooperazzjoni ta’ kulħadd li jkun responsabbli u juri sens ċiviku billi ma jħammiġx, u billi jressaq l-ilmenti fejn jara abbuż jew traskuraġni. “L-indafa tiswa għal saħħitna u għall-ambjent madwarna, imma wkoll issebbaħ il-prodott turistiku Għawdxi”, saħqet il-Ministru Justyne Caruana.​