Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva jiltaqa’ mal-Assoċjazzjoni tal-Frame Football Malta (FFM)

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis iltaqa’ mal-Assoċjazzjoni tal-Frame Football Mata (FFM) u l-players waqt sessjoni ta’ taħriġ fil-kumpless tal-eks-Skola Maria Assumpta l-Ħamrun. Din is-sessjoni saret bi preparazzjoni qabel l-Assoċjazzjoni ssiefer biex tieħu sehem f’kompetizzjoni internazzjonali tal-Frame Football. Il-kompetizzjoni ser titella’ ġewwa St. George’s Park, Coventry l-Ingilterra nhar il-Ħadd 2 ta’ Lulju u ser jieħdu sehem erba’ timijiet internazzjonali fosthom Malta.
L-Assoċjazzjoni li twaqqfet fl-2016, hija komposta minn grupp ta’ voluntiera fosthom fiżjoterapisti, coaches tal-football, għalliema u voluntiera oħra bl-għan ewlieni li jwasslu l-logħba tal-football lil tfal u żgħażagħ taħt it-tmintax-il sena li jużaw xi tip ta’ frame għall-mobilità tagħhom. Preżentament it-taħriġ isir darba fil-ġimgħa fil-kumpless il-ġdid tal-iskola eks-Maria Assumpta.
Anthony Agius Decelis innota interess u entużjażmu kbir fost it-tfal u żgħażagħ li llkoll jinsabu ħerqana sabiex imorru jirrappreżentaw lil pajjiżna fl-ewwel dehra internazzjonali tagħhom. Huwa ħa l-opportunità wkoll jiddiskuti mad-diriġenti tal-Assoċjazzjoni u l-ġenituri dwar il-benefiċċji li tħalli fuq dawn it-tfal u żgħażagħ din l-attività fiżika.
Fl-aħħarnett, is-Segretarju Parlamentari sellem lil kontiġent Malti u awguralhom esperjenza mill-isbaħ barra minn xtutna fil-jiem li ġejjin u offra l-appoġġ tiegħu kemm-il darba tkun meħtieġa xi għajnuna.