It-tmexxija tal-Prim Ministru fil-Presidenza Ewropea deskritta bħala eċċellenti u mpressjonanti

Fi tmiem il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju, li kien l-aħħar Summit taħt il-Presidenza Maltija, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk esprima l-apprezzament tiegħu għall-effiċjenza li wera Joseph Muscat fit-tmun tal-Presidenza Ewropea matul is-sitt xhur li għaddew.

“Dan m’huwiex slogan jew kliem taċ-cirkustanza. Emmnuni, kienet waħda mill-aqwa esperjenzi li qatt kelli fil-ħajja professjonali tiegħi”, qal il-President tal-Kunsill Ewropew. Donald Tusk semma l-preparazzjoni għan-negozjati ta’ Brexit, it-tmiem tar-roaming, u x-xogħol li sar fuq il-migrazzjoni u s-sigurta’ interna bħala uħud mill-kisbiet tal-Presidenza Maltija. “Jixraqlek it-tifħir kollu li qed tirċievi”, qal Tusk lill-Prim Ministru.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker ukoll feraħ lill-Prim Ministru għall- mod kif mexxa l-ewwel Presidenza Maltija fl-istorja. “Kienet impressjonanti. Sar xogħol eċċellenti. Grati ħafna għal dak li wettaq Joseph Muscat favur il-proġett Ewropew”, qal Juncker.

Il-Prim Ministru semma l-kollaborazzjoni tajba li kien hemm bejn l-istituzzjonijiet Ewropej fis-sitt xhur li għaddew biex inkisbu r-riżultati. Mit-tmiem tar-roaming sal-aċċess għall-internet fid-djar tal-konsumaturi, u mid-direttivi kontra l-evażjoni tat-taxxa sal-passi ‘l quddiem fuq il-Konvenzjoni ta’ Istanbul kontra d-diskriminazzjoni bejn is-sessi.

Dwar il-migrazzjoni, Dr Muscat qal li, minkejja li jeżisti diżappunt li mhux l-istati membri kollha qed iwettqu dak mistenni minnhom, progress seħħ ukoll. Wara d-Dikjarazzjoni ta’ Malta, 130 uffiċjal tal-kosta Libjana rċevew taħriġ u 291 oħra se jibdew dan il-programm. 4 dgħajjes li kienu għand l-Italja għaddew għand l-awtoritajiet Libjani biex jgħinu fil-missjonijiet fuq l-ibħra. Tjiebu l-kundizzjonijiet f’4 ċentri tad-detenzjoni u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni għenet 5000 persuna biex volontarjament imorru mill-Libja għall-pajjiżi t’oriġini tagħhom.

Il-President Donald Tusk ikkonferma li qegħdin jittieħdu ħafna passi tajbin u qal li huwa kruċjali li l-Mexxejja Ewropej ikomplu jieħdu aktar deċiżjonijiet biex tintemm din is-sitwazzjoni traġika. Jean-Claude Juncker saħaq li l-impenn li ħadu l-pajjiżi Ewropej irid jiġi rispettat kollu u li mhux aċċettabbli li ma jitwettaqx dak imwiegħed minnhom stess.

Tema oħra diskussa kienet Brexit li dwarha hemm konverġenza favur trattament ġust għaċ-ċittadini kollha kif ukoll il-proċedura li se tintuża għar-relokazzjoni mir-Renju Unit ta’ aġenziji Ewropej.

Dan il-Kunsill Ewropew wassal ukoll aħbarijiet pożittivi dwar it-tkabbir ekonomiku li beda jirranka fl-Ewropa u li għandu jwassal għal iktar investiment u inqas qgħad. Intqal li r-riżultati tal-aħħar xhur fil-ħolqien tax-xogħol ilhom ma jidhru snin twal. L-Unjoni Ewropea trid tkompli twassal il-messaġġ li hija miftuħa għan-negozju filwaqt li kommessa li tipproteġi liċ-ċittadini kontra kummerċ inġust.