Il-perjodu tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena hu żmien ta’ solidarjetà; mhux biss fuq livell nazzjonali iżda wkoll fuq livell internazzjonali. Dan hu żmien li fih naraw inizjattivi pożittivi jiddominaw; liema inizjattivi jħallu ġid kbir fis-soċjetà.
Minbarra dan l-aspett ta’ solidarjetà, dan iż-żmien hu wieħed ta’ riflessjoni u analiżi fuq l-andament tas-sena li tkun intemmet u dik li tkun ġejja. F’dan il-perjodu bħal donnu kulħadd ikun impenjat li jwarrab in-negattiv li jkun sar matul is-sena li għaddiet u jipprova jtejjeb fuq dak li jkun ġej għas-sena l-ġdida.
Fil-politika jsir l-istess. Għal ħafna, dan hu perjodu li għandu jkun nieqes minn kull element politiku. Forsi min iħares lejn il-politika bħala mezz ta’ firda u attakki personali kontra xulxin allura jkun qed jistenna dan il-perjdou biex jipprova jbenġel il-pożizzjoni tiegħu fis-soċjetà billi jippontifika fuq l-għaqda.
Fil-verità, min iħares lejn il-politika bħala l-aħjar għodda biex isir il-ġid fil-pajjiż u min qiegħed fil-politika għal skop ġenwin u mhux biex jttakka lin-nies, iħares lejn dan iż-żmien bħala wieħed normali. Ikun ipokrita min jieqaf jattakka f’dawn il-ġranet u jkun qed ilesti l-kanuni għal wara li jgħaddu l-festi.
Il-poplu għandu bżonn politiċi li jagħmlu distinzjoni ċara bejn il-kritika fuq livell t’ argument politiku u l-attakki fuq il-persuna li tkun fil-politika. Jeħtieġ li l-politiċi jkunu qawwija quddiem l-argument politiku; ejja niddibattu kemm hemm bżonn u kemm meħtieġ kull argument politiku.
Ejja ma nkunux dgħajfa fil-kritika kontra miżuri li qed jeqirdu lis-soċjetà iżda ejja fl-istess waqt nirrispettaw il-persuni fil-politika sal-livell xieraq. Jeħtieġ li l-politiċi u l-opinjonisti jiddistingwu ċar dawn l-aspetti u jifhmu li l-fatt li politiku jagħżel li ma jattakkax lill-persuna u tirrendihx dgħajjef. Anzi d-dgħajjef hu dak li jgħażel li jattakka lill-persuna u jwarrab il-kritika għall-argument jew il-ħsieb politiku.
Quddiem l-isfidi li għandha s-soċjetà Maltija bħalissa – u li bla dubju se tkompli taffaċja tul l-2019 – il-pajjiż mhux biss għandu bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha iżda jeħtieġ opinjoni pubblika informata u preparata biex tiddibatti. L-akbar għajnuna li qed isib il-gvern bħalissa hu propju minn min qed ikompli jgħażel li jwarrab fil-kritika u fl-attakki tiegħu.
Propju dan hu li jrid il-Gvern; li jkollu favurih opinjonisti li aktar moħħhom u huma lesti biex jesponu l-aspetti personali ta’ min iridu huma milli biex jattakkawh fuq l-iskandli li jkun qed iwettaq. Opinjonisti li għadhom m’humiex konxji tal-mod kif qed jilgħabu f’idejn l-istess gvern li huma jgħidu li jopponu.
Quddiem l-attakki fuq l-istituzzjonijiet – fatt konfermat mir-rapport tal-Kummissjoni Venezja – il-Gvern irid opinjoni pubblika maqsuma. Irid opinjoni pubblika mitlufa tiddiskuti suġġetti ta’ importanza sekondarja; jekk fir-realtà għandhom xi importanza għall-opinjoni pubblika.
L-2019 għandha tkun sena li fiha naraw opinjoni pubblika iktar martura; politiċi u artikolisti iktar maturi. Nemmen li mal-mument li jintefew id-dwal tal-Milied, il-gvern se jerġa’ jsib l-appoġġ ta’ opinjonisti li jkomplu bl-aġenda tagħhom, irrispettivament minn dak li hu ta’ interess nazzjonali. Anzi naħseb li dan se jsir anki meta d-dwal tal-Milied ikunu għadhom mixgħulin.
Minkejja dan, il-pajjiż se jibqa’ jkollu politiċi, ġurnalisti u opinjonisti li lesti jkunu fuq quddiem favur is-sewwa. Persuni li veru jpoġġu l-interess nazzjonali bħala prijorità u li għall-ebda raġuni qed joffru s-servizzi taghom għall-pajjiż u għall-partit li huma jemmnu fih.
Fuq kollox, ejja ma nħarsux lejn il-partiti bħala mezz ta’ firda. Kull min isegwi l-parlament jaf li l-maġġoranza assoluta tal-liġijiet ikunu approvati bi qbil bejn il-gvern u l-Oppożizzjoni. Dan dejjem hekk kien u hekk se jibqa’ jkun.
Dan bl-ebda mod ma jfisser li hemm xi konfoffi jew assoċjazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni iżda jfisser li meta d-dibatttu jkun matur u responsabbli, il-maturità tirrenja.
Qabel tintemm l-2018, ejja kulħadd iħares lejn il-kuxjenza tiegħu u juża l-pinna, l-azzjonijiet u d-diskorsi bħala għodda ta’ kritika qawwija u proposti biex il-pajjiż jirnexxielu jwettaq il-bidliet li tant għandu bżonn u biex is-soċjetà tissaħħaħ bil-valuri u l-prinċipji li nemmnu fihom. Għalhekk qiegħdin il-politiċi u l-opinjonisti; xejn aktar!
Dione Borg
Kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew