Il-Gvern jintervjeni legiżlattivament sabiex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet illi jesponu lill-kerrejja għall-iżgumbrament

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2018/08/01/il-gvern-jintervjeni-legizlattivament-sabiex-jigu-indirizzati-sitwazzjonijiet-illi-jesponu-lill-kerrejja-ghall-izgumbrament/

Il-Gvern illum daħħal fis-seħħ emendi fl-Ordinanza li Tneħħi l-Kontroll tad-Djar sabiex jiġu indirizzati l-problemi rigward il-kirjiet antiki li ġejjin minn ċnus li kienu wkoll s-suġġett ta’ deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali u mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan bil-għan li jinħoloq bilanċ bejn id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ dar residenzjali u dawk tal-kerrej li jkun fi ħtieġa ta’ protezzjoni u b’hekk il-kerrej igawdi b’mod aħjar il-pussess tad-dar residenzjali.

L-emendi jipprovdu li s-sid ser ikun jista’ jagħmel talba quddiem il-Bord tal-Kera u minn hemm il-bord jgħaddi biex jagħmel test tal-mezzi lill-inkwilin. Jekk jirrizulta illi l-inkwilin m’għandux mezzi u riżorsi suffiċjenti sabiex isib akkomodazzjoni oħra, l-inkwilin ikun intitolat illi jibqa’ jirrisjedi f’dik ir-residenza suġġett għall-kundizzjoni li s-sidien jibdew jitħallsu ammont sa tnejn fil-mija tal-valur tal-proprjetà fl-1 ta’ Jannar tas-sena li fiha ssir it-talba, apparti kundizzjonijiet ulterjuri li l-Bord ikun jista’ jawtorizza.

Madankollu, jekk meta jsir it-test tal-mezzi jirriżulta l-kuntrarju, din il-liġi ma tapplikax u l-inkwilin ikollu jħallas kera doppja u jingħata ħames snin ċans sabiex joħroġ mir-residenza kkonċernata. “B’hekk mhux biss ser ikun assigurat bilanċ bejn id-drittijiet tas-sidien u tal-kerrejja iżda wkoll ser ikun garantit illi l-miżura tkun qed tittieħed għal skop soċjali f’konformità ma’ dak li tiddeċiedi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem,” saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici.

Bis-saħħa ta’ din il-ligi, l-Awtorità tad-Djar ser tkun dejjem notifikata bil-kawża sabiex hi wkoll tkun parteċipi f’dak li jkun għaddej f’dan il-qasam u dan bil-ħsieb li jekk tkun tista’ toffri soluzzjoni, per eżempju b’akkomodazzjoni alternattiva adegwata, toffriha. F’dan ir-rigward billi diversi inkwilini jew sidien jistgħu jkunu pensjonanti, ser ikun hemm dritt għall-avukat tal-għajnuna legali f’dawn il-proċeduri rrespettivament mill-mezzi tagħhom.

Dawn id-dispożizzjonijiet ser ikunu applikabbli wkoll f’kull każ fejn ċens, subċens jew kirja ta’ dar ta’ abitazzjoni jkun skada minħabba deċiżjoni tal-Qorti bbażata fuq nuqqas ta’ proporzjonalità ta’ kumpens. Għaldaqstant, anke l-inkwilini illi l-qorti ikkundannathom sabiex jitilqu mill-post imma għadu ma sarx l-iżgrumbrament ser ikunu qegħdin jibbenefikaw minn dawn l-emendi.

Simultanjament, daħlu fis-seħħ ukoll regolamenti li jaġġornaw il-Kriterji tal-Mezzi b’mod illi l-kriterji jirriflettu aħjar ir-realtajiet tal-lum. Dan ukoll ikompli jassigura li jinħoloq bilanċ adekwat u jiġu evitati ċirkostanzi fejn familji u individwi ġenwini jiġu żgumbrati ’l barra mir-residenza ordinarja tagħhom fit-tbatija kollha li dan jikkawża.

Id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi jagħtu prova ċara u konkreta ta’ kemm dan il-Gvern għandu ruħ soċjali hekk kif dejjem lest sabiex jaġixxi fl-interess tal-familji u l-individwi kollha filwaqt li jżomm il-bilanċ bejn id-drittijiet tal-inkwilini u tas-sidien.​

​​

Leave a Reply