Stqarrija mill-Partit Nazzjonalista: Vot qawwi ta’ fiduċja mill-Parlament Ewropew f’Simon Busuttil

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/09/12/stqarrija-mill-partit-nazzjonalista-vot-qawwi-ta-fiducja-mill-parlament-ewropew-fsimon-busuttil/

Il-Parlament Ewropew ta vot ta’ fiduċja qawwi f’Simon Busuttil hekk kif 83% ivvutaw favur in-nomina ta’ Simon Busuttil bħala membru ta’ Kumitat ta’ Esperti Ewropej mwaqqaf mit-Trattat tal-Unjoni Ewropea.

Il-funzjoni tal-Kumitat ta’ Esperti hi li jgħin fl-għażla ta’ Imħallfin tal-Qrati tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. B’kollox huma seba’ l-membri tal-Kumitat ta’ Esperti.

Din hija l-ewwel darba li persuna minn Malta se tokkupa din il-pożizzjoni prestiġġjuża f’dan il-Kumitat ta’ Esperti.

Simon Busuttil ġie nominat għal din il-kariga direttament mill-Parlament Ewropew fejn għadu jgawdi rispett kbir wara li kien għamel disa’ snin membru tal-istess Parlament. In-nomina tiegħu ġiet konfermata llum fejn fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, minn total ta’ 673 membru, Simon Busuttil kiseb xejn anqas minn 556 vot favur, jew aħjar 83%.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil esprima l-apprezzament tiegħu għal dan il-vot qawwi ta’ fiduċja. Huwa qal: “Nirringrazzja lill-Parlament Ewropew tal-fiduċja kbira li għandu fija u nintrabat li nwettaq dmiri f’din il-kariga b’ħilti kollha kif dejjem għamilt f’kull kariga pubblika li kelli.”

Il-ħatra ta’ llum mhix waħda full-time u għalhekk, kif diġa’ stqarr pubblikament, Simon Busuttil se jibqa’ jservi bħala membru tal-Parlament f’Malta wara li nhar is-Sibt li ġej itemm il-kariga tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.