Il-Kunsill Amministrattiv jaċċetta r-rapport tal-Kumitat ta’ Etika

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/08/31/il-kunsill-amministrattiv-jaccetta-r-rapport-tal-kumitat-ta-etika/

Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ llejla fejn iddiskuta r-rapport tal-Kumitat ta’ Etika mwaqqaf apposta nhar it-Tnejn li għadda sabiex jeżamina l-allegazzjonijiet li saru dan l-aħħar fil-konfront tal-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Adrian Delia.

Il-Kunsill Amministrattiv qed jippubblika r-rapport b’mod sħiħ sabiex kull votant ikollu l-opportunità jinforma ruħu qabel ma jivvota.

Il-Kunsill Amministrattiv iqis li kwalunkwe dubju jew dell, kbir jew żgħir, li jista’ jqum dwar l-integrità ta’ persuna li taspira li tmexxi l-Partit Nazzjonalista jista’ jikkomprometti kemm lil dik il-persuna fil-funzjoni tagħha ta’ Kap tal-partit, iżda aktar u aktar, lill-partit innifsu.

Fil-fatt, il-Kunsill Amministrattiv jinnota li l-Kumitat ta’ Etika sostna li persuna ideoneja biex tkun Kap tal-Partit, trid tkun “persuna ‘il fuq minn kull dubju u suspett dwar l-integrità u l-onestà personali tagħha.”

Il-Kunsill Amministrattiv jinnota li l-Kumitat ta’ Etika ma sab l-ebda dubji fil-konfront tal-kandidati Alex Perici Calascione, Frank Portelli u Chris Said.

Il-Kunsill Amministrattiv jinnota li, fil-konfront ta’ Adrian Delia, il-Kumitat ta’ Etika sab li “filwaqt li japprezza l-limitazzjonijiet, inkluż ta’ kunfidenzjalità  professjonali li jista’ għandu Dr Delia bħala avukat, il-Kumitat iqis li hemm aspetti oħra pendenti li għadhom m’humiex verifikati, u li Dr Delia baqa’ ma spjegax, kemm dwar il-kont f’Barclays International Jersey Bank allegatament f’isem Dr Delia, l-iskop u l-użu ta’ dan il-kont u l-legalita’ tal-provenjenza ta’ dawn il-fondi.”

Il-Kumitat ta’ Etika irriżultalu wkoll li “fl-1 ta’ Lujlu 2003 il-Pulizija Ingliża għamlet raid fuq proprjetà ta’ Healey Properties li kienet mikrija lil terzi, f’liema kumpanija Dr Delia kien Direttur kif kien ukoll Dr Chris Cardona. Mir-raid irriżulta li l-post kien qed jintuża minn terzi għal skopijiet ta’ prostituzzjoni. Dr Delia u Dr Chris Cardona irriżenjaw minn Diretturi ta’ din il-kumpanija f’Diċembru tal-istess sena.”

Wara li ddiskuta r-rapport tal-Kumitat ta’ Etika f’laqgħa msejħa apposta illejla, il-Kunsill Amministrattiv wasal għal dawn il-konklużjonijiet:

Il-Kunsill Amministrattiv aċċetta u għamel tiegħu r-riżultanzi tar-rapport tal-Kumitat ta’ Etika.

Jaqbel mal-Kumitat ta’ Etika li l-elezzjoni skedata għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista għandha tibqa’ għaddejja u ma jħossx li għandu jwaqqaf il-proċess elettorali.

Iqis li, in vista tar-riżultanzi ċari u serji tal-Kumitat ta’ Etika, ikun xieraq li Adrian Delia, minn jeddu, jirrikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu bħala kandidat għal din l-elezzjoni.

Għandu fiduċja sħiħa fil-Kunsilliera u fit-tesserati tal-partit li kapaċi jagħmlu huma l-aħjar għażla bil-vot tagħhom fl-aħjar interess tal-partit.

Il-Kunsill Amministrattiv jirringrazzja lill-membri kollha tal-Kumitat ta’ Etika, immexxija minn Dr Louis Galea, għall-ħidma tagħhom.