Żewġ dibattiti bejn il-kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/08/12/zewg-dibattiti-bejn-il-kandidati-ghal-kap-tal-partit-nazzjonalista/

Il-Kummissjoni Elettorali għall-Elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista tixtieq tħabbar li se jkunu qed isiru żewġ dibattiti bejn l-erba’ kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Dawn iż-żewġ dibattiti, li se jixxandru live fuq il-media tal-Partit Nazzjonalista, se jsiru l-Ħamis 24 u l-Ħamis 31 ta’ Awwissu fid-21:00.

Il-ħsieb wara dawn id-dibattiti hu li l-erba’ kandidati għal Kap tal-Partit ikollhom l-opportunità li jispjegaw il-viżjoni u l-proposti tagħhom lill-Kunsilliera u anke lit-Tesserati tal-Partit Nazzjonalista li se jkunu qed jagħżlu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kummissjoni Elettorali għaddejja bil-ħidma tagħha b’kuntatt dirett mal-Kunsilliera u anke t-Tesserati biex jiġi spjegat il-proċess tal-votazzjoni. Fil-fatt, fil-jiem li ġejjin, il-Kunsilliera se jkunu qed jirċievu ittra b’notifika dwar id-dettalji tal-votazzjoni.

Is-Sibt 2 ta’ Settembru ssir il-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali biex jgħaddu żewġ kandidati. Jekk ikun hemm bżonn, isir rawnd ieħor il-Ħadd 3 ta’ Settembru. Imbagħad, il-votazzjoni fil-Konvenzjoni Ġenerali, meta jivvutaw it-Tesserati tal-Partit, issir is-Sibt 16 ta’ Settembru. Għaż-żewġ elezzjonijiet se jkun hemm ġurnata ta’ early voting: għall-elezzjoni fil-Kunsill Ġenerali, l-early voting se jsir is-Sibt 26 ta’ Awwissu, waqt li l-early voting għall-elezzjoni fil-Konvenzjoni Ġenerali se ssir is-Sibt 9 ta’ Settembru.

Ir-rwol tal-Kummissjoni Elettorali hu li tissorvelja l-proċess elettorali u tassigura li ma jinkisrux ir-regolamenti ta’ din l-istess elezzjoni. Il-Kummissjoni tippreċiża li l-proċess tan-nominazzjoni kien jinkludi li l-kandidati jiffirmaw dikjarazzjoni dettaljata dwar il-kondotta tagħhom. Dan bl-ebda mod m’għandu jiġi interpretat bħala eżerċizzju ta’ ‘due diligence’ mill-Kummissjoni Elettorali u r-responsabbiltà tibqa tal-kandidati nfushom.

Leave a Reply