Tnedija ta’ skemi ta’ finanzjament A4U u BeActive għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ 2018

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/08/12/tnedija-ta-skemi-ta-finanzjament-a4u-u-beactive-ghall-organizzazzjonijiet-taz-zghazagh-2018/

Aġenzija Żgħażagħ tniedi programm ta’ finanzjament għall-2018 għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li se jatu l-opportunità lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex jiżviluppaw inizjattivi fi ħdan il-komunità bbażati fuq it-tema tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ tal-UN għall-2017: “Youth Building Peace”. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kienu mistiedna fil-Villaġġ taż-Żgħażagħ tal-Aġenzija Żgħażagħ bil-għan li jibdew ir-riflessjonijiet u d-diskussjonijiet dwar it-tema tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ filwaqt li tħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikunu attivi fis-soċjetà.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ qal li, “ix-xogħol taż-żgħażagħ għandu rwol importanti fil-bini tal-paċi u fil-promozzjoni tas-solidarjetà u aħna f’Malta ħadna numru t’inizjattivi f’dan ir-rigward.” Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-Presidenza reċenti ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE rat għadd ta’ żviluppi importanti fil-promozzjoni tal-paċi u s-solidarjetà.

Il-programm inkluda wkoll xi riflessjonijiet dwar iż-żgħażagħ bħala aġenti tal-bidla fil-komunitajiet u l-kontribut tagħhom għall-bini tal-paċi. Iż-żgħażagħ attivi fil-komunità taw l-esperjenza tagħhom dwar kif irrispondew għas-sejħa biex tinbeda l-bidla permezz tal-programmi ta’ finanzjament tal-Aġenzija Żgħażagħ.

Is-sessjoni kienet t’opportunità eċċellenti għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex jippromwovu l-isforzi tagħhom fil-komunità u jistabbilixxu kuntatt m’oħrajn attivi fil-qasam taż-żgħażagħ.

L-għan tal-iskemi għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ:

  • L-iskema A4U tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-ħolqien t’organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jinvestu f’assi tanġibbli għall-benefiċċju tal-organizzazzjoni.
  • L-Iskema BeActive tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ proġetti relatati ma’ numru ta’ temi magħżula.

Total ta’ 33 proġett qed jiġu żviluppati permezz tal-appoġġ finanzjarju pprovdut miż-żewġ skemi matul l-2017. Il-proġetti jvarjaw fin-natura iżda l-biċċa l-kbira tal-għanijiet komuni tal-proġetti huma: restawr strutturali, xiri u żvilupp ta’ riżorsi, żvilupp ta’ websites, servizz komunitarju u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni. Iktar minn 20,000 żagħżugħ, jew se jkunu involuti fl-implimentazzjoni tal-proġett, jew se jkunu qed jibbenefikaw mill-opportunitajiet ipprovduti.

Matul l-attività l-organizzazzjonijiet irċievew informazzjoni dwar il-kontenut u l-loġistika tas-sejħa kif ukoll l-informazzjoni teknika rilevanti għas-sottomissjoni ta’ proposti.​