Aktar minn €42 miljun f’investiment għax-xogħol, għas-saħħa u għall-inklużjoni soċjali

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/08/09/aktar-minn-e42-miljun-finvestiment-ghax-xoghol-ghas-sahha-u-ghall-inkluzjoni-socjali/

Tlettax-il proġett soċjali se jara t-tnedija tiegħu permezz tal-approvazzjoni ta’ aktar minn €42 miljun f’Fondi Ewropej iffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020, ħabbar is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia li spjega li dawn il-proġetti li se jsiru minn diversi entitajiet se jaqgħu taħt diversi temi. Fost oħrajn se jkunu indirizzati l-oqsma li ġejjin:

  • Saħħa aħjar għal kulħadd
  • Ħolqien ta’ xogħol u karrieri aħjar
  • Edukazzjoni
  • Rijabilitazzjoni
  • Inklużjoni soċjali

Dr Farrugia qal li l-Fond Soċjali Ewropew għal Malta jikkontribwixxi għall-mira tal-ġlieda kontra l-faqar f’pajjiżna – li madwar 6,560 persuna joħorġu mir-riskju ta’ faqar u mill-esklużjoni soċjali sas-sena 2020, kif ukoll jikkontribwixxi għall-miri tal-impjiegi u tal-edukazzjoni tal-UE2020.

Is-Segretarju Parlamentari spjega li l-Fond Soċjali Ewropew hu mfassal biex jiżgura opportunitajiet indaqs għal kulħadd u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għar-riżorsi u tissaħħaħ il-politika inklussiva permezz tat-taħriġ offrut. Dawn kollha huma sforzi li jgħinu biex persuni żvantaġġjati ma jibqgħux parti mill-populazzjoni li tinsab f’riskju ta’ faqar.

L-ekonomija moderna tista’ tirnexxi biss jekk tagħmel użu mit-talent kollu taċ-ċittadini tagħha. “Kull aspirazzjoni li żagħżugħ ma jilħaqx, kull potenzjal li żagħżugħa ma tiksibx, huma riżorsi inqas għal pajjiżna. Il-vulnerabbiltà ta’ persuna m’għandhiex tfassal il-potenzjal ta’ persuna iżda għandhom ikunu l-opportunitajiet, il-ħiliet u l-ambizzjoni li jagħmlu dan”, saħaq is-Segretarju Parlamentari.

Dan l-investiment mhux biss soċjalment ġust iżda fiż-żminijiet tal-lum hu neċessità ekonomika. “Bħala pajjiż irridu nkomplu niġru mingħajr ma nħarsu lura biex pajjiżna jkun l-aqwa post fl-Ewropa fejn fih imur l-investiment li jiġbed lejh industriji ġodda fix-xjenza u fit-teknoloġija”, qal Dr Farrugia.

Dawn il-fondi tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-binja tal-Malta Enterprise – entità governattiva li fil-passat ibbenefikat mill-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew.