Riformi wesgħin fil-qasam tal-Gvern Lokali u fis-sistema tal-infurzar lokali

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/08/07/riformi-wesghin-fil-qasam-tal-gvern-lokali-u-fis-sistema-tal-infurzar-lokali/

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis ipparteċipaw f’laqgħa organizzata mil-Local Enforcement System Agency (LESA) għas-sindki kollha ta’ Għawdex. Il-laqgħa tal-LESA mas-sindki Għawdxin issir darbtejn fis-sena u matulha ssir diskussjoni informali dwar diversi suġġetti li jolqtu lill-kunsilli lokali.

Fil-laqgħa l-Ministru Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza li jinżamm djalogu kif ukoll komunikazzjoni kontinwa biex niffukaw dwar l-isfidi komuni permezz ta’ ħidma ffukata u koordinata. Il-kunsilli lokali Għawdxin jiffaċċjaw sfidi kbar għax l-allokazzjoni finanzjarja hi marbuta mal-populazzjoni u mhux mad-daqs tat-territorju, spjegat il-Ministru għal Għawdex. Dan ifisser li ħafna drabi l-kunsilli lokali f’Għawdex ma jkunux f’pożizzjoni li jwettqu xogħlijiet mingħajr l-għajnuna tal-Gvern. Il-Ministru Justyne Caruana żiedet li l-Ministeru għal Għawdex qed jgħin lill-kunsilli lokali f’diversi modi u f’dawn l-aħħar ġimgħat saru numru ta’ laqgħat biex il-prijoritajiet ta’ kull kunsill lokali jiġu identifikati u indirizzati.

Il-Ministru tkellmet dwar ir-riforma pożittiva tal-LESA u dwar kif għandha tindirizza l-abbuż u n-nuqqasijiet preżenti. Fattur komuni għal kull lokalità hi ż-żamma tal-indafa u t-traffiku fejn hemm meħtieġ iktar monitoraġġ, iktar infurzar, u fuq kollox iktar edukazzjoni. Justyne Caruana spjegat li l-Ministeru għal Għawdex qed jagħti spinta għal iktar indafa permezz ta’ diversi inizjattivi fosthom intervention teams ġodda, użu ta’ makkinarju tat-tindif b’mod frekwenti, kif ukoll it-tieni ġabra tal-iskart fil-lokalitajiet turistiċi tax-Xlendi u ta’ Marsalforn.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis faħħar l-inizjattiva tal-LESA u qal li hu importanti li biex wieħed jara x’diffikultajiet hemm fis-sistema u jtejjeb is-servizz tiegħu, hu kruċjali li jkunu konsultati dawk li l-aktar huma fiċ-ċentru u li qed jintlaqtu minn dawn id-diffikultajiet.

Matul il-laqgħa saret diskussjoni dwar diversi materji, fosthom l-immaniġġjar tat-traffiku, l-infurzar kontra l-isfreġju u l-ħsara lill-ambjent, is-superviżjoni ħdejn l-iskejjel, kif ukoll l-infurzar matul ix-xhur tas-sajf.

Is-Segretarju Parlamentari faħħar l-inizjattivi li ttieħdu mil-LESA biex jedukaw lill-pubbliku kif ukoll lit-tfal tal-iskejjel għad-diversi inizjattivi edukattivi. Qal li l-edukazzjoni hi l-aqwa arma kontra l-injoranza li twassal biex ikun hawn ksur tal-liġi u biex jinħolqu sitwazzjonijiet diffiċli għal kulħadd b’konsegwenzi negattivi għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin u għat-turist li jżur pajjiżna.

Silvio Parnis kompla billi ħabbar li apparti r-riforma wiesgħa fil-qasam tal-Gvern Lokali, se ssir ukoll riforma fis-sistema tal-infurzar lokali, filwaqt li awgura li matul il-laqgħa jkun hemm diskussjoni oġġettiva biex jiġu identifikati d-diffikultajiet u l-isfidi u rrimarka li se tittieħed nota tas-suġġerimenti u tar-rakkomandazzjonijiet li jsiru mis-sindki preżenti.

Il-Ministru Justyne Caruana u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis irringrazzjaw lil-LESA għal din il-laqgħa ta’ diskussjoni u ħeġġu iktar eżerċizzji simili biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tan-nies u biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Wara l-laqgħa s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis żar l-EU & International Affairs Unit fi ħdan il-Gozo Local Government Division, fejn dar l-uffiċċji u ltaqa’ mad-diretturi u mal-ħaddiema ta’ din il-unit. F’din il-laqgħa ta’ familjarizzazzjoni, is-Segretarju Parlamentari ngħata informazzjoni dwar il-unit u l-ħidma tagħha.​