Titnieda l-inizjattiva ‘Adopt a Family’ minn The President’s Trust u minn Ozo Group

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/08/05/titnieda-l-inizjattiva-adopt-family-minn-presidents-trust-u-minn-ozo-group/

​​​​​Fil-Palazz ta’ Sant’Anton, it-trustee minn The President’s Trust il-Professur Peter Mayo u ċ-Chairman ta’ Ozo Group Mario Muscat, fil-preżenza tal-President ta’ Malta, iffirmaw ftehim ta’ kooperazzjoni biex titwaqqaf għall-ewwel darba l-inizjattiva ‘Adopt a Family’.

Permezz ta’ din l-inizjattiva nazzjonali, individwi/kumpaniji huma mistiedna jagħmlu donazzjonijiet lil The President’s Trust – liema donazzjonijiet ikunu jistgħu jintużaw għall-benefiċċju tal-familji l-aktar fil-bżonn, partikularment għall-iżvilupp edukattiv tagħhom.

Il-President irringrazzjat liċ-Chairman ta’ Ozo Group f’isem il-familji li se jibbenefikaw u qalet li b’din l-inizjattiva “se nkunu nistgħu nieqfu mal-familji u mat-tfal biex nedukawhom u nagħtuhom opportunità ta’ empowerment”.

The President’s Trust, flimkien ma’ Ozo Group, se taħdem bi sħab mal-Malta Community Chest Fund Foundation biex jiġu identifikati dawk fil-bżonn.

The President’s Trust laqgħet dan il-ġest nobbli u din l-inizjattiva anke għax l-edukazzjoni tat-tfal – speċjalment tfal li għaddejjin minn sfidi fil-ħajja – hi prijorità għaliha.

Iċ-Chairman ta’ Ozo Group spjega li din l-inizjattiva nibtet wara li waħda mill-kumpaniji tiegħu baqgħet issostni lil impjegata tagħha waqt li kienet marida b’marda terminali, u baqgħet xorta waħda tirċievi s-salarju tagħha daqs li kieku baqgħet tidħol regolari għax-xogħol. Bis-saħħa ta’ dan il-kontribut finanzjarju l-kumpanija għamlet differenza fil-ħajja ta’ din il-ħaddiema u tal-familja tagħha waqt l-aktar żminijiet diffiċli.

Is-Sur Muscat qal li avviċina lill-President b’din l-idea li żviluppatha b’mod li l-kontribut finanzjarju tal-kumpaniji ta’ Ozo u ta’ kontribuzzjonijiet oħra jidħlu parti mill-inizjattiva. Is-Sur Muscat ħabbar li Ozo Group se jvara din l-inizjattiva b’donazzjoni ta’ tnax-il elf ewro maqsuma fuq tnax-il xahar u appella biex aktar individwi/kumpaniji jagħmlu l-istess u jsostnu din l-inizjattiva biex b’hekk, aktar familji f’riskju ta’ faqar ikunu jistgħu jiġu megħjuna permezz ta’ The President’s Trust.

The President’s Trust twaqqfet mill-President ta’ Malta f’Mejju tal-2015, filwaqt li l-kumpanija Ozo Group għadha kif għalqet 20 sena topera f’diversi setturi f’pajjiżna.​