Proġett tal-housing affordabbli flok sit abbandunat jgħin fir-riġenerazzjoni ta’ żona f’Bormla

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/08/03/progett-tal-housing-affordabbli-flok-sit-abbandunat-jghin-fir-rigenerazzjoni-ta-zona-fbormla/

Il-binja Hannover f’Bormla se tibda titwaqqa’ sal-aħħar ta’ din is-sena u tagħmel spazju għal proġett ta’ housingaffordabbli kif imwiegħed mill-Gvern. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt żjara li għamel fuq dan is-sit, li għal bosta snin tħalla abbandunat.

Iż-żjara ġiet segwita b’laqgħa mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla fejn fiha ġew diskussi dettalji ġodda ta’ dan il-proġett u aspetti li minnhom se tiggwadanja l-komunità Bormliża.

‘Hi l-intenzjoni tiegħi li laqgħat simili jsiru ma’ kull kunsill ta’ lokalitajiet li fihom se jsiru proġetti ta’ akkomodazzjoni affordabbli, dan biex nassiguraw li jkun hemm l-inqas impatt negattiv fuq il-lokalità, u li bil-kooperazzjoni tal-kunsill u tar-residenti nassiguraw ukoll li proġetti bħal dawn ma jwasslux għal esklużjoni soċjali’, spjega s-Segretarju Parlamentari Galdes.

Hu qal li l-Gvern għandu mandat b’saħħtu biex kif imwiegħed qabel l-elezzjoni jsiru dawn il-proġetti ta’ housing biex jgħinu lil dawk l-aktar vulnerabbli. Huwa qal li f’dan ir-rigward il-Gvern għamel assessjar u studji intensivi kemm f’aspetti ta’ pjanar kif ukoll f’dawk ta’ bżonnijiet soċjali.

Is-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli rringrazzjat lill-Gvern tal-konsultazzjoni u esprimiet fiduċja li b’kuntrast ma’ proġetti simili li saru fil-passat, dan il-proġett jagħti xi ħaġa lura lill-komunità, fosthom permezz tal-bini ta’ child care centre u ċentru għaż-żgħażagħ tal-lokalità.

Il-perit responsabbli mill-proġett, Daniel Micallef, spjega li l-proġett se jinkorpora 65 unit bil-maġġoranza jkunu b’żewġ kmamar tas-sodda, kif ukoll żona ta’ parkeġġ għal 115-il karozza. Huwa qal ukoll li l-proġett kif propost jimmira li jżid l-ispazju miftuħ bi 850 metru kwadru.​

​​​