Ristrutturar finanzjarju li qed iħalli l-frott mixtieq

Il-Partit Nazzjonalista nefaq is-somma ta’ €1.3 miljun għall-kampanja elettorali li wasslet għall-elezzjoni ġenerali ta’ dan ix-xahar. Din is-somma, li ma tinkludix il-pagi tal-ħaddiema, intużat fuq affarijiet bħal reklamar, attivitajiet politiċi u inizjattivi fuq il-media soċjali. Is-somma ta’ €1.3 miljun inġabret kollha permezz ta’ donazzjonijiet kemm waqt il-perjodu tal-kampanja elettorali kif ukoll fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel, u l-kontijiet marbuta tal-kampanja elettorali diġà tħallsu kollha. Dan ifisser ukoll li l-Partit Nazzjonalista ma daħal fl-ebda dejn biex iħallas għall-kampanja elettorali.

Fl-aħħar jiem, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-accounts tiegħu lill-Kummissjoni Elettorali biex ikompli jkun konformi mal-liġi tal-finanzjament tal-partiti. Miċ-ċifri preżentati joħroġ ċar kemm il-pjan ta’ ristrutturar finanzjarju li tnieda fl-2014 qed iħalli l-frott mixtieq. Dan għaliex beda jitħallas ħafna mid-dejn antik tal-partit u tnaqqas ħafna wkoll l-imgħax fuq is-self mill-banek. Minn naħa l-oħra, il-Partit għad għandu proprjetajiet, fosthom il-każini u d-Dar Ċentrali, li l-valur tagħhom jeċċedi l-valur ta’ dejn.

Matul l-2016, il-Partit Nazzjonalista rreġistra dħul ta’ €1.4 miljun, waqt li l-ispejjeż kienu jammontaw għal €1.1 miljun, li jfisser li matul is-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2016, l-Partit Nazzjonalista rreġistra qliegħ ta’ €300,000. Meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni s-sussidju li l-Partit għadda lill-kumpaniji sussidjarji tiegħu, l-Partit Nazzjonalista jkun għalaq is-sena 2016 b’telf ta’ €1.6 miljun.

Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jieħu aktar deċiżjonijiet biex jiġi assigurat li l-pjan finanzjarju li tfassal fuq medda ta’ ħmistax-il sena, ikompli jitwettaq.