Rata ta’ impjiegi ogħla mill-medja taż-żona ewro

Fl-ewwel kwart tal-2017 pajjiżna kellu rata ta’ impjiegi li tlaħħaq il-65.8%. Din hi l-ogħla rata qatt irreġistrata f’dan il-kwart minn mindu bdiet tinġabar din l-istatistika, u tfisser żieda ta’ 7.2 punti perċentwali mill-2012.

Fis-sena 2016 għall-ewwel darba fl-istorja, ir-rata ta’ impjiegi f’pajjiżna kienet ogħla minn dik fiż-żona ewro. Qabel il-bidla fil-gvern kien hemm distakk ta’ 5 punti perċentwali bejn Malta u ż-żona ewro; distakk li l-esperti kienu jbassru li se jibqa’ għal diversi deċennji, u li issa ma jeżistix.

Fl-ewwel kwart tal-2017 l-impjiegi komplew jiżdiedu, tant li kien intlaħaq rekord ta’ kważi 193,000 persuna jaħdmu – jiġifieri żieda ta’ 16% fuq l-2012. Din iż-żieda, b’kuntrast għal dak li kien jiġri taħt l-amministrazzjoni preċedenti, kienet kważi kollha f’impjiegi full-time.

Fost l-aktar li bbenefikaw miż-żieda fl-impjiegi kien hemm in-nisa. Filwaqt li qabel il-bidla fil-gvern fl-2013, 45% tan-nisa kellhom impjieg, dan il-proporzjon issa tela’ għal 53%.

Permezz ta’ dawn iż-żidiet ir-rata ta’ qgħad waqgħet għal 4.2% fl-ewwel kwart tal-2017 meta fl-istess żmien fl-2012 kienet 6.4%. Din ir-rata ta’ qgħad hi l-inqas waħda għal dan il-perjodu minn mindu bdiet tinġabar din l-istatistika għal Malta.

Il-Labour Force Survey juri wkoll li meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, fl-ewwel kwart tal-2017 il-pagi għolew b’5.7%. Dan fi żmien meta l-inflazzjoni kienet 0.9%, u għalhekk ifisser titjib ta’ 4.8% fil-poter ta’ akkwist tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. B’kuntrast, fl-aħħar sena taħt l-amministrazzjoni preċedenti, il-paga medja kienet għoliet b’1.9%, fi żmien meta l-inflazzjoni kienet 2.4%.

Skont l-NSO, il-paga medja f’Marzu 2017 kienet €18,029, meta f’Marzu 2013 kienet €15,923. Filwaqt li l-Oppożizzjoni ssostni li hawn għafsa fil-pagi u li l-paga medja qed tonqos, l-istatistika uffiċjali turi titjib ta’ iktar minn €2,100, jew ta’ 13%.

Il-Labour Force Survey ikkonferma l-istimi tal-Eurostat li iktar kmieni dan ix-xahar kienu juru li ż-żieda fl-impjiegi matul l-ewwel kwart tal-2017 kienet l-ikbar żieda osservata fl-istorja ta’ pajjiżna. Flimkien mal-aċċelerazzjoni fil-pagi, din iż-żieda mistennija tkompli ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-familji tagħna.

Fil-fatt, l-aħħar Eurobarometer li għamlet il-Kummissjoni Ewropea u li nzerta waqt il-kampanja elettorali, wera li f’pajjiżna hawn l-inqas proporzjon ta’ persuni li jħossu li l-ekonomija sejra ħażin, 8% kontra 55% fiż-żona ewro.​