Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Pietru Pawl Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Pietru Pawl Busuttil li miet ftit tal-ħin ilu wara ġlieda kontra l-marda tal-kanċer.

Pietru Pawl Busuttil jibqa’ mfakkar għall-frame-up li kien sar fuqu fl-1986 b’rabta mal-qtil ta’ Raymond Caruana. Dan il-qtil kien seħħ fi żmien diffiċli ferm kemm għal Pietru Pawl Busuttil u l-familja tiegħu, kif ukoll għall-pajjiż kollu.

Minkejja li kien vittma ta’ frame-up politiku Pietru Pawl Busuttil dejjem baqa’ sod u dinjituż.

Pietru Pawl jibqa’ mniżżel fl-istorja bħala simbolu tal-ġlieda għad-demokrazija, ġustizzja u libertà f’pajjiżna.

Pietru Pawl Busuttil kien ukoll l-ewwel Sindku f’Ħal Safi, kariga li dam jokkupaha għal 18-il sena sħaħ.

Il-Partit Nazzjonalista jwassal il-kondoljanzi lill-familja Busuttil f’dan il-mument diffiċli.