Partit skredidat mill-Poplu?

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/06/27/partit-skredidat-mill-poplu/

Bħal ma kien mistenni, l-issue tal-gay marriage, kif qed tissejjaħ, tefgħet lill-Partit Nazzjonalista fl-abbissi tal-infern. Fil-verita’, ma hemm xejn ġdid f’din il-liġi. Jekk xejn din il-liġi jew l-emendi proposti huma insult għall-ilsien Malti, għaliex ħlief termini legali bit-Taljan ma fihiex, meta setgħu intużaw termini bil-Malti semitiku. Fejn hemm raġel u mara qed jinbidel bit-terminu konjuġi. Mela fil-Malti ma għandix it-terminu miżżewġin? Għaliex ma ntużax dan it-terminu f’din il-liġi? Agħar minn hekk, kemm it-terminu miżżewġin u konjuġi ma jirriflettux ir-realtajiet tal-lum. Meta tneħħa ż-żwieġ kattoliku, tneħħa żwieġ li ġie ikkreat bejn żewġ persuni. Kemm it-terminu miżżewġin u konjuġi jirriflettu dan il-fatt. Jekk qed nitkellmu b’ekwita, x’ser jiġri issa meta persuni, irrispettivament jekk hux mara jew raġel, jitolbu li jkollhom aktar minn mara jew raġel wieħed? Dawn ukoll jistgħu jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq l-imħabba u anki iż-żwieġ tagħhom għandu jkun rikonoxxut.

Forsi dan il-punt jispjega għala l-kommunita’ Musulmana hija wara Muscat, anki jekk ir-Reliġjon Islamika hija aktar intolleranti lejn l-omosesswalita’ minn dik Kristjana. Il-Kuran huwa ċar. Kemm minn jagħmel l-att u kemm minn jirċievih għandhom jinqatlu. Biss din il-flessibilita’ li qed tiddaħħal permezz ta’ dawn it-tip ta’ liġijiet tagħti lok fejn żwiġijiet poligami, bħal ma hu aċċettat fl-Islam, jiġu parti mill-kodiċijiet Maltin f’isem id-diversita’ u l-ugwaljanza. Dan hu biss punt żgħir, li jmur lilhinn mill-problemi politiċi li din il-liġi qalgħet għall-Partit Nazzjonalista.

Fil-verita’ din il-liġi ma qed tagħmel xejn ġdid. De facto, iż-żwieġ bejn żewġ persuni ta’ l-istess sess ġa daħal f’pajjiżna. Issa ser inkunu aktar onesti magħna nfusna. Allura għala inqala’ dan l-inkwiet kollu fil-Partit Nazzjonalista? Dan l-inkwiet inqala’ għaliex ħafna Nazzjonalisti, primarjament membri mill-grupp parlamentari qatt ma ġew ikkonsultati dwar dan il-punt. Dan iddaħħal fil-manifest elettorali tal-partit mingħajr konsultazzjoni ma’ ħadd. Issa l-Partit qed jippretendi li kuħadd jobdi lil whip, mingħajr ma jingħata vot liberu. Għal ħafna fil-Partit Nazzjonalista, dan hu biss totalitariżmu minn mexxej li ġie skreditat fl-elezzjoni li għaddiet.

Illum huwa ċar li matul dawn l-aħħar erba’ snin, kien hemm tim ristrett ta’ nies fil-Partit Nazzjonalist li ħadmu politika ġdida, waħda ta’ esklużjoni ta’ dawk kollha li ma kinux jaqblu ma dawn il-pożizzjoni ġodda. Dan it-team kellu f’idejh il-kampanja elettorali. Iddetta manifest elettorali b’mod totalitarju. Imbagħad għandna l-ammissjoni minn Beppe Fenech Adami, li l-Partit Nazzjonalista ma kienx għadu lest bit-tfassil ta’ proposti, meta kif kulħadd jaf, kien ilu li l-istess partit kien ħabbar li beda l-kampanja elettorali tiegħu. Kien dan it-tim li eskluda numru ta’ nies li minn dejjem kienu wara l-Partit Nazzjonalista.

Din il-politika ta’ esklużjoni weġgħet ħafna nies fil-Partit Nazzjonalista. Illum dawn qed jitkellmu fil-pubbliku. B’hekk kien dan it-tim li ġab qasma fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Kien dan it-tim li wassal biex Simon Busuttil jidħol fl-istorja, wara Ċikku Azzopardi, bħala t-tieni mexxej li xtaq iżda qatt ma sar Prim Ministru. Dan it-team ser jibqa’ magħruf fl-istorja li rnexxilu jkisser lill-Partit Nazzjonalista.

Dan jispjega għala llum hemm ribelljoni fi ħdan il-PN. Jekk tasalx sal-Parlament ma nafux. Wieħed irid jistenna’ u jara. Dak li hu minnu hu li llum Simon Busuttil hu kap tal-Oppożizzjoni “caretaker”. Din kienet espressjoni li uża l-istess Busuttil fil-konfront ta’ Joseph Muscat. B’din it-telfa elettorali, ġab lilu innifsu f’dan l-istat.

Bl-iskuza li l-Partit Nazzjonalista ried jiftaħ il-bibien, spiċċa għalaq il-bieb u ġie f’din is-sitwazzjoni disastruza. Biex ikun inklussiv spiċċa partit iħaddan politika ta’ esklużjoni fejn ħafna nies ma għadhomx iħossuhom parti ta’ din il-familja Nazzjonalista. Nies u politiċi ta’ stoffa twarrbu għaliex iħaddnu twemmin Demo-Kristjan. In-nifs ġdid fisser li tkeċċew ħafna nies validi. L-iskuża kienet li dawn kellhom ideat “outdated” u hemm bżonn li l-Partit jimxi maż-żmien. Fil-verita’, ma hemmx ideat “outdated”. Hemm ideat validi jew le. Dawk l-ideat validi huma eterni. Il-Partit  Nazzjonalista f’dawn l-aħħar erba’ snin ħaddan ideat skreditati u ġie skreditat mill-poplu.

Il-ftuħ li sar f’dawn l-aħħar erba’ snin wassal biex iltqajt ma’ ħafna nies li qaluli ċar, illum jippreferu jivvutaw lil-Lejber milli lill-Partit Nazzjonalista. B’żewġ partiti jħaddu l-liberaliżmu, il-PN spiċċa l-partit skreditat. Muscat qed jaddotta politika relattivistika. Jaf ikun Nazzjonalist meta jaqbillu. Liberali meta jkun il-bżonn u Soċjalista u anki Kristjan u Kattoliku fil-punt opportun. Il-Partit Nazzjonalista ipprova jagħmel bħalu. Ġara dak li kien mistenni. Il-Partit Nazzjonalista deher bħala partit falż ma’ l-elettorat tiegħu stess. Ara x’għamel Corbyn fir-Renju Unit. Mar għall-valuri tradizzjonali tal-Lejber. Ma rebaħx iżda l-anqas tilef. Minflok mar għal valuri tiegħu wara telfa kbira bħal dik fl-2013, il-Partit Nazzjonalista kompla jarmihom il-baħar biex iħaddan il-modernita’.

Dak li ried jagħmel il-PN kien li jaddotta politika konservattiva, kważi assolutistika. Politika li tmur lejn l-egħruq tiegħu. B’hekk kien joħroġ l-inkonsistenza ta’ Muscat. Ara x’ġara fl-Italja. Il-ħabib ta’ Muscat, Renzi tilef bil-kbir. Renzi bħal Muscat ipprova jkun relattivistiku. Lagħab il-logħba li hu Soċjalista, “di sinistra” u fl-istess ħin partit tal-lemin. Il-lemin fl-Italja ma lagħabx il-logħba Soċjalista. Kunċetti bħal gay marriage ma humiex liberali iżda Marxisti. Renzi tilef. Muscat rebaħ. L-istess ġralu Zappatero fi Spanja. Muscat rebaħ għaliex l-Oppożizzjoni taħt Simon Busuttil ippruvat temitah. B’hekk illum għandna Partit Nazzjonalista li hu orfni.

Dan qed iwassal biex ħafna qed jabbandunaw l-politika u jaħsbu għar-rashom. Għal ħafna mill-elettorat, illum ma baqgħax Oppożizzjoni kapaċi tieqaf lil Tagħna lkoll. Dan ifisser li l-Oppożizzjoni hija fi stat tal-biki. Dan hu aspett li għandu jinkwieta lill-elettorat kollu.