Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jirrapreżenta l-valuri u l-prinċipji tiegħek

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jirrapreżenta l-valuri u l-prinċipji tiegħek, u se jibqa’ hemmhekk għalikom. Dak li nemmnu fih, se nibqgħu nemmnu fih, għaliex jekk ma jkunx il-Partit Nazzjonalista li jitkellem dwar dan, min se jitkellem? Kunu kburin li intom temmnu fil-Partit Nazzjonalista u li intom parti minn dak li jirrapreżenta l-Partit Nazzjonalista.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt intervista fuq Radio 101. Simon Busuttil kien qed jitkellem, fost l-oħrajn, dwar l-inkjesti kriminali li qed isiru fil-konfront tal-Prim Ministru u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri. Hu sostna li għalkemm il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali bl-intriċċi kollha, l-affarijiet li saru qabel ma sparixxewx. Dan ifisser li l-Prim Ministru għadu taħt investigazzjoni kriminali. “L-elezzjoni mhix washing machine biex id-dnubiet jinħasslu,” sostna Simon Busuttil li fakkar li hemm tliet Maġistrati li għadhom qed jinvestigaw lill-Prim Ministru u liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.

Simon Busuttil sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jsegwi u jiġri wara dawn l-iskandli. “Dan hu dak li emminna u għadna nemmnu: li f’pajjiżna ma jistax ikollok dawn l-affarijiet li jitħallew għaddejjin. Jien nittama li l-Maġistrati – kif m’għandix dubju – li minkejja l-elezzjoni ġenerali, jibqgħu għaddejjin b’xogħlhom u li jlestuh,” kompla jispjega Simon Busuttil li ta garanzija li sakemm jibqa’ hu Kap tal-Partit Nazzjonalista, dawn l-affarijiet se jinżammu taħt lenti biex jiġi assigurat li l-ġustizzja ssir.

L-Oppożizzjoni se tibqa’ waħda b’saħħitha u effettiva

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li wara l-elezzjoni ġenerali, l-Partit issa qiegħed fi stadju ta’ tranżizzjoni. Iżda minkejja dan, il-Partit irid jibqa’ partit b’saħħtu, organizzat, li jiffunzjona u li mill-ewwel ġurnata kapaċi jkun Oppożizzjoni effettiva. Hu sostna li qassam ix-xogħol bejn id-Deputati kollha biex b’hekk, mill-ewwel ġurnata, kulħadd beda jmidd għonqu għax-xogħol. “Jien irrid inserraħ ras in-nies li l-Oppożizzjoni se tkun waħda b’saħħitha u effettiva,” qal Simon Busuttil.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku li qabel l-elezzjoni ġenerali ġiet ippreżentata bħala Forza Nazzjonali. Il-Partit Demokratiku eleġġa żewġ siġġijiet fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista, u għalhekk, sostna Simon Busuttil, kien jagħmel sens li naħdmu flimkien mal-Partit Demokratiku mhux biss qabel l-elezzjoni, iżda anke wara. “Iddeċidejna li niftħu beraħ il-bieb ta’ koperazzjoni mal-Partit Demokratiku biex dak li bdejna qabel l-elezzjoni, nkompluh. Dan ifisser li naħdmu flimkien bħala Oppożizzjoni magħquda, minkejja d-distinzjoni bejn iż-żewġ partiti. Dan qed isir fl-interess tal-pajjiż,” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu fakkar li kemm Marlene Farrugia kif ukoll Godfrey Farrugia qablu li jkunu taħt id-dixxiplina tal-Whip tal-Oppożizzjoni, u hemm sens ta’ koperazzjoni anke minn naħa tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi r-realtà f’pajjiżna 

Simon Buusttil spjega li l-Oppożizzjoni ddeċidiet li tivvota favur l-Ispeaker minkejja li l-Prim Ministru ma kkonsultax, u minkejja li l-Prim Ministru ma għażilx wieħed mill-Grupp Parlamentari tiegħu. “Aħna xorta vvutajna favur tiegħu biex nibgħatu messaġġ dwar min vera jrid jikkopera favur l-għaqda fil-pajjiż – mhux bil-kliem, imma bil-fatti,” qal Simon Busuttil.

Hu sostna li bagħat messaġġ lill-Ispeaker meta qal li l-Oppożizzjoni qed tivvota favurih biex tfakkru li hu għandu jirrispetta l-imparzjalità, u mhux biss lill-maġġoranza, iżda anke lejn il-minoranza fil-Parlament. Hu fakkar li Claudette Buttigieg ġiet innominata u approvata bħal Deputy Speaker tal-Parlament.

Dwar il-liġi li ddaħħal żwieġ bejn persuni tal-istess sess, Simon Busuttil qal li din hi liġi kontroversjali, iżda li tibni u ma tantx tbiddel mill-liġi tal-unjoni ċivili li ddaħħlet tliet snin ilu. Hu fakkar li dakinhar kien mument meta l-Oppożizzjoni astjeniet, u li dakinhar stess daħlet liġi li tagħti koppji tal-istess sess f’unjoni ċivili l-istess drittijiet u obbligi bħal koppji ta’ sessi differenti. Jien nemmen li fis-sustanza, diġà hemm żwieġ, u la qiegħed hemm trid tirrikonoxxieh, sostna Simon Busuttil, filwaqt li qal li hu diġà ġie mistieden għal ċerimonji ta’ unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess – u ddeskrivihom bħala festa ta’ mħabba, hija festa ta’ tieġ.

“Din hi realtà f’pajjiżna, u fil-Grupp Parlamentari, ddeċidejna li din ir-realtà nirrikonoxxuha billi nkunu favur tagħha fil-Parlament. Inħossu li hemm affarijiet li jistgħu jittejbu fl-abbozz ta’ liġi li qed jippreżenta l-Gvern, pero’ dak nistgħu nagħmluh fi stadju ta’ Kumitat fil-Parlament,” spjega Simon Busuttil.

Il-Kunsill Ġenerali jibda l-proċess biex jiġi elett Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista

Simon Busuttil irringrazzja lil dawk kollha li wrew miegħu sens kbir ta’ appoġġ matul l-aħħar jiem wara l-elezzjoni ġenerali. “Id-deċiżjoni tiegħi tirrifletti dak li nemmen fih. Jiena tkellimt ħafna fuq l-irġulija, fuq is-sens ta’ dinjità, responsabbiltà u tmexxija tajba. Good governance ma tridx titkellem biss fuqha, imma trid issarrafha fil-prattika. Jien ħassejt li kelli nerfa’ r-responsabbiltà għar-riżultat, billi nċedi posti. Kieku konna f’pajjiż ieħor, hekk jiġru l-affarijiet. Filwaqt li nifhem il-messaġġ qawwi ta’ appoġġ, jiena nemmen li int mhux biss titkellem fuq il-prinċipji u l-valuri, imma twettaqhom meta jkunu fuqek,” sostna Simon Busuttil.

Għalhekk, issa nbeda proċess ta’ tibdil fil-Partit, li issa se jkollu tmexxija differenti. Simon Busuttil sostna li dan hu proċess li se jsir b’serjetà, u li se jkun ġust u trasparenti ma’ kull min jitfa’ n-nomina tiegħu biex ikun Kap tal-Partit.

Hu fakkar li fil-bidu tat-tmexxija tiegħu, nbidlu r-regoli ta’ kif jintgħażel Kap tal-Partit, biex dan ma jkunx magħżul biss aktar mill-Kunsill Ġenerali kif kien qabel, iżda jkun magħżul minn kull min hu membru. Fil-fatt, hu fakkar li anke l-Kunsill Ġenerali ġie estiż biex dan ikun jinkludi aktar nies involuti fil-Partit Nazzjonalista.

“Aħna għamilna regoli ġodda, li ġew approvati mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, u issa dawn l-istess regoli jridu jiġu approvati mill-Kunsill Ġenerali li se jiltaqa’ nhar l-Erbgħa li ġej. Nixtieq inħalli partit fuq saqajh, u li qiegħed jiffunzjona,” spjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-proċess se jkun dan li ġej: il-Kunsill Ġenerali, li se jiltaqa’ fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru, minn numru ta’ nies li jitfgħu n-nomina tagħhom biex ikunu Kap tal-Partit, jagħżel żewġ persuni. Imbagħad, dawn iż-żewġ persuni jmorru għall-elezzjoni fost it-tesserati fis-16 ta’ Settembru, biex b’hekk, għall-festi tal-Indipendenza, l-Partit Nazzjonalista jkollu Kap tal-Partit ġdid.

It-tesserati, jekk ikollhom żewġ persuni quddiemhom, jintgħażel dak li jġib l-akbar ammont ta’ voti, iżda jekk ikun hemm nomina waħda biss, il-persuna tkun trid iġġib żewġ terzi tal-voti tat-tesserati.