Għeluq il-25 sena mit-twaqqif tal-Fondazzjoni OASI

Il-Fondazzjoni OASI qed tfakkar il-ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif tagħha u għal din ir-raġuni saret ċelebrazzjoni ewkaristika li għaliha kienet mistiedna wkoll il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.

Il-Fondazzjoni OASI taħdem sabiex persuni li jkunu waqgħu vittmi ta’ vizzji bħall-alkoħol, drogi jew xi sustanzi oħra u anke l-logħob tal-azzard, isibu s-sostenn neċessarju anke f’mumenti ta’ biża’ u qtigħ il-qalb.  Il-fundatur ewlieni ta’ din il-fondazzjoni huwa Fr. Manwel Cordina, li għal dawn is-snin sħaħ ħadem sabiex ikompli jwettaq il-missjoni soċjo-pastorali tiegħu bħala gwida ewlenija għal dawn iż-żgħażagħ u individwi li jiltaqgħu ma’ dawn it-tipi ta’ vizzji.

Fid-diskors tagħha tal-okkażjoni, il-Ministru għal Ghawdex Justyne Caruana faħħret l-impenn li bih il-Fondazzjoni OASI irnexxila tintegra fis-soċjetà dinamika tal-lum biex tgħin lil dawn il-persuni.  Hija qalet li permezz tal-imħabba, dedikazzjoni u anke rispett li jingħata mill-persuni kollha involuti f’din il-fondazzjoni, għexieren ta’ klijenti matul is-snin irnexxilhom jieqfu u joħorġu mill-vizzji.  Hija qalet li l-OASI hija l-ispalla ewlenija għal dawn l-individwi permezz ta’ servizzi professjonali li wkoll jgħinu lill-familji. Tkellmet ukoll fuq il-ħtieġa ta’ programmi ta’ prevenzjoni kif ukoll tar-riformi meħtieġa b’konsultazzjoni mal-esperti fil-qasam.

Il-Ministru Caruana qalet li huwa tassew pożittiv fis-soċjetà Għawdxija, hawn tant nies li qed joffru l-għajnuna tagħhom biex jgħinu lill-ħaddieħor.  Faħħret b’mod speċjali l-impenn li bih Fr. Cordina iddedika lil tant persuni vulnerabbli.  Hija kompliet tgħid li dan il-Gvern minn dejjem kellu għal qalbu l-persuni vulnerabbli, u anke issa, ser ikompli jsostni b’għajnuniet varji lil dawn il-persuni biex noħorġuhom miċ-ċirkostanzi ta’ vulnerabbilità , nikkumbattu l-istigma u naħdmu fuq il-ħiliet biex ikun hemm inklużjoni sħiħa.

Il-Ministru għal Għawdex ikkonkludiet id-diskors tagħha billi ferħet lil dawk il-perusni li ġew onorati għall-ħidma tagħhom waqt din iċ-ċerimonja kif ukoll appellat biex inkunu magħqudin fil-ġlieda qalila kontra d-droga li kissret tant persuni u tant familji. Hija ħeġġet lill-klijenti tal-OASI sabiex jagħmlu l-qalb għax għandhom kull għajuna u sostenn biex jerġgħu jiġu fuq saqajhom.