“Il-Caritas, matul dawn is-snin kollha kienet fundamentali biex tagħti lura tant ħajjiet għeżież, lil tant familji, u lil Malta tagħna.” – Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca

Ilbieraħ, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni tal-programm ta’ riabilitazzjoni ta’ San Blas, kkordinat minn Caritas Malta.

Il-President raddet ħajr lit-team tal-Caritas, għax-xogħol u għad-dedikazzjoni tagħhom, u tal-ġid u ta’ kemm il-ħajja salvaw, mhux biss il-ħajja tal-individwi, imma wkoll il-ħajja tal-familji ta’ dawn l-individwi u l-ħajja tagħna lkoll bħala soċjetà. “Grazzi minn qalbi ta’ dan il-ġid li qed tagħmlu fis-soċjetà Maltija,” stqarret il-President.

Meta indiritzzat lill-istaff tal-Caritas, il-President qalet li kull ħajja li huma jsalvaw, kull ħajja li jroddu lura lill-familja u lill-komunità , “hija mhux biss ħajja mirbuħa, imma hija eżempu ħaj ta’ xi tfisser meta tħalli l-imħabba taħdem fik.”

Il-President raddet ħajr ukoll lill-ġenituri tal-gradwati ta’ din is-sena, u ta’ qabilhom, li baqgħu jappoġġjaw lil uliedhom.

Il-President appellat lill-awtoritajiet, “biex lil dawn l-għeżież gradwati tagħna llum, u ta’ qabilhom, jkomplu jagħtuhom l-appoġġ li għandhom bżonn.” Appellat ukoll, biex issa li se jibdew triqithom, jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn, biex jiksbu d-dinjità sħiħa tagħhom.

Il-President qalet li filwaqt li huwa importanti li nirrikonoxxu t-tant u tant bidliet għall-aħjar li l-awtoritajiet diversi tagħna għamlu, fil-liġijiet u fil-policies matul is-snin biex nagħtu aktar support lil dawk li jirrijabilitaw ruħhom mill-vizzju tad-droga, “jinħtieġ li ma nieqfux hawn, iżda nkomplu ntejbu kemm il-liġijiet, kif ukoll il-policies tagħna, biex dawn l-għeżież ħutna u uliedna, jkunu f’qagħda li jilqgħu għall-isfidi u r-realtajiet tal-ħajja.”

Bħala eżempju, l-President semmiet diffikultà kbira li ħafna jsibu meta jkollhom każijiet pendenti fil-Qorti wara li jkunu spiċċaw il-programm. Hawn, il-President appellat lill-awtoritajiet tagħna biex jindirizzaw din id-diffikultà, “għaliex għandna sitwazzjonijiet li wħud minn dawn ħutna u uliedna, wara li jkunu spiċċaw il-programm, jibqagħlhom każijiet pendenti għax il-Qorti ma titrattax il-każijiet flimkien, u wħud minnhom saħansitra anke jispiċċaw il-ħabs wara li jkunu irrijabilitaw ruħhom fis-soċjetà.”

“Kwistjoni oħra li tinwkieta lil ħafna minn dawn ħutna u uliedna,” kompliet tgħid il-President, “hija d-diffikultà ta’ fejn se jmorru joqgħodu malli joħorġu mill-programm. Ħafna minnhom ma jkollhomx fejn jgħixu. Lanqas mezzi finanzjarji biżżejjed biex ifendu għal rashom, ma jkollhom.”

Għaldaqstant, il-President Coleiro Preca appellat, biex dawn in-nies jingħataw l-attenzjoni urġenti, biex malli jlestu l-programm ikollhom l-għajnuna biex jakkwistaw akkomodazzjoni soċjali li tixirqilhom.

Fl-aħħarnett, il-President awgurat lil dawk kollha li ggradwaw. Awguratilhom ukoll li jibqgħu jgħożżu din l-esperjenza – esperjenza li, fl-aħħar mill-aħħar, mhijiex esperjenza ħafifa, imma hija esperjenza sabiħa; hija esperjenza li tagħti ħafna ħiliet, valuri u reżiljenza.

“Għandkom kull opportunità, la tkunu hemm barra fil-familji tagħkom, fil-kommunitajiet fejn tgħixu, u fis-soċjetà tagħna, li tkunu ta’ eżempju għal ħaddieħor. Nitlobkom, f’isem il-Maltin u l-Għawdxin, f’isem il-familji tagħna biex tkunu ta’ eżempju għalina, għat-tfal tagħna. Kemm jien kburija bikom”, temmet tgħid il-President.