AD sodisfatta bir-rapport tal-PA li żvilupp f’Wied Inċita mhux aċċettabbli

Alternattiva Demokratika sodisfatta bir-rakkomandazzjoni tal-Awtorita’ tal-Ippjanar li l-applikazzjoni għal bini ta’ mħażen, żona industrijali, ħwienet u bini ieħor f’ Wied Inċita f’Ħ’Attard tiġi rifjutata (PA/01549/17).

Iktar kmieni din il-gimgħa, d-Direttorat tal-Ippjanar ħareġ rapport li bih qed jirrakkomanda r-rifjut tal-applikazzjoni PA/01549/17 li tfittex li tittrasforma barrieri eżistenti f’Ħ’Attard li dwarhom hemm diversi ordnijiet ta infurzar fis-seħħ.

Ralph Cassar, Kunsillier ta’ AD f’Ħ’Attard qal:”Sodisfatt li fl-aħħar, wara snin ta’ ħidma l-Awtorita’ tal-Ippjanar qed tafferma li Wied Inċita għandu bżonn protezzjoni u li m’hemmx lok għal żona industrijali f’Wied Inċita. Huwa inkoraġġanti li l-Awtorita’ qed tisħaq li tali żvilupp mhux kompatibbli ma’ żona rurali u ma’ wied. Se nkompli nisħaq li l-barrieri eżistenti jiġu rijabilitati bħalma għamilt tul dawn is-snin kollha.”

Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson ta’ AD żied jgħid li r-rapport tad-Direttorat tal-Ippjanar hu dettaljat u jispjegat fit-tul r-raġunijiet tekniċi, ambjentali u ta’ ippjanar għaliex din l-applikazzjoni għandha tkun rifjutata.

“Alternattiva Demokratika hi sodisfatta”, temm jgħid Carmel Cacopardo, “li l-ħidma tagħha favur ir-residenti ta’ Ħ’Attard qed tagħti l-frott.”