Il-Partit Nazzjonalista lest għal koperazzjoni ma’ Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia

Waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista llejla, ġie deċiż li l-Grupp Parlamentari se jikkopera bis-sħiħ mad-Deputati Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia fl-Oppożizzjoni. Dan se jsir bl-istess spirtu li ġiet miġġielda l-kampanja elettorali mill-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku bħala Forza Nazzjonali.

Sabiex din il-koperazzjoni sseħħ, id-deputati Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia se jibdew jiġu mistiedna għall-laqgħat tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni meta jiġu diskussi affarijiet ta’ natura Parlamentari.

Għall-fini ta’ votazzjoni, se ssir koordinazzjoni bejn iż-żewġ naħat filwaqt li d-Deputati Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia se jkunu mistennija li jżommu mad-dixxiplina tal-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni.

Il-ħidma tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni fil-Parlament se tkun waħda b’saħħitha u effettiva, u se tkun qed iżżomm il-Gvern ta’ Joseph Muscat taħt skrutinju kontinwu.