It-titjib fl-indikaturi ekonomiċi jwassal għal sens ta’ ottimiżmu fil-Kunsill Ewropew

Minkejja l-isfidi kollha li għandhom quddiemhom il-pajjiżi Ewropej, is-sens ta’ ottimiżmu ma kienx nieqes mill-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ewropew.

F’kummenti lill-mezzi tax-xandir, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-indikaturi ekonomiċi qegħdin jitjiebu fl-Ewropa. “Dan huwa biss bidu. Filwaqt li pajjiżna ilu sejjer tajjeb għal dan l-aħħar snin, hemm pajjiżi li issa għadhom qed jibdew jiġu f’tagħhom”, sostna Dr Muscat. Il-Prim Ministru qal li jekk Malta marret tajjeb meta ħaddieħor kien għadu ma rrankax, pajjiżna jista’ jmur aħjar meta l-ekonomiji li fuqhom niddependu jtejbu l-qagħda tagħhom.

Il-Prim Ministru qal li d-diffikultajiet jibqgħu jeżistu fl-Unjoni Ewropea. Hemm sfidi li ftit li xejn hemm kontroll fuqhom bħad-deċiżjoni tal-poplu Ingliż u s-sitwazzjoni fluwida li ġabet magħha. “L-arloġġ telaq jiġri u aħna llejla qed nitkellmu dwar kif se nipproteġu l-interessi taċ-ċittadini Ewropej inkluż il-Maltin fir-Renju Unit u l-Ingliżi li qed jgħixu fostna”, qal Dr Muscat.

Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qal li d-dikjarazzjoni ta’ Malta diġà bdiet tħalli l-effett mixtieq, fost oħrajn bit-taħriġ tal-coastguards Libjani. Kieku mingħajrha r-riżultati huma ferm agħar milli huma.

Il-problema kbira tibqa’ li għad hemm pajjiżi li qed jopponu li jieħdu immigranti. “Matul il-Presidenza Maltija ppruvajna u rnexxilna nċaqalqu wħud minnhom imma hemm pajjiż wieħed jew tnejn li kważi fuq sistema ideoloġika jirrifjutaw li b’xi mod jidħlu għal din ir-responsabbilità. Aħna fl-Unjoni Ewropea m’aħniex qegħdin part-time, imma full-time. Jekk hemm flus li nagħtu lill-Unjoni Ewropea, nagħtuhom. Jekk hemm fondi x’nieħdu, nieħduhom. Imma jekk hemm responsabbilitajiet x’nieħdu, rridu neħduhom ukoll”, temm jgħid il-Prim Ministru.