Imniedi ‘video’ għal aktar għarfien dwar ix-xorb eċċessiv waqt il-festi

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/06/19/imniedi-video-ghal-aktar-gharfien-dwar-ix-xorb-eccessiv-waqt-il-festi/

​F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali, il-Ministru Michael Falzon nieda video clip ta’ għarfien dwar ix-xorb eċċessiv waqt il-festi.

Il-video clip se jkun reklamat fuq il-mezzi tax-xandir u mxerred fuq il-media soċjali matul iż-żminijiet tal-festi, bil-għan li aktar żgħażagħ ikollhom kuxjenza dwar ix-xorb eċċessiv waqt il-festi.

Il-Ministru Falzon qal li l-festi huma parti mill-identità ta’ pajjiżna u hi ħasra li jiġu mtappna b’xi mod – għalhekk irid ikun hemm aktar għarfien dwar ix-xorb eċċessiv. Dr Falzon żied jgħid li l-konsum tal-alkoħol minn żgħażagħ taħt l-età stabbilita mil-liġi hu element ta’ illegalità.

Barra minn hekk, qal il-Ministru, il-festi u l-każini tal-banda mhumiex marbuta biss mal-konsum tal-alkoħol. Hemm fatturi oħra wkoll bħal stress żejjed. “Ix-xorb eċċessiv fost iż-żgħażagħ hu parti mir-realtajiet tas-soċjetà tagħna li rridu naħdmu biex negħlbuhom”, insista Dr Michael Falzon.

Il-Ministru qal li qed iħares ’il quddiem biex ikun hemm aktar proġetti bħal dan, u rringrazzja liż-żgħażagħ tal-Għaqda Każini tal-Banda li ħadmu fuq dan il-video clip.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti semma li skont ir-rapport ta’ ESPAD, Malta għandha rati għoljin ta’ konsum ta’ alkoħol fost iż-żgħażagħ, filwaqt li żied li l-FSWS qed tħares lejn aktar ħidma f’dan il-qasam biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni.

Il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda Dr Noel Camilleri qal li dan il-clip hu messaġġ miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ, bil-każini tal-banda juru kemm huma proattivi.

Fl-istess attività l-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon iltaqa’ ma’ bosta ħaddiema tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali.

 

Leave a Reply