Keith Schembri u Konrad Mizzi jibqgħu jmexxu

L-għażla ta’ Konrad Mizzi bħala Ministru u Keith Schembri bħala Chief of Staff hi konferma ta’ kemm Muscat ma tgħallem xejn mill-elezzjoni ġenerali, u għażel li jkompli jmexxi ‘l quddiem politika diviżiva flok waħda ta’ għaqda. Din l-għażla tikkonferma wkoll li Keith Schembri u Konrad Mizzi għadhom jikkontrollaw kollox, inkluż lil Muscat.

Fl-għażla tal-Kabinett, Muscat kellu l-opportunità li jwassal messaġġ ta’ bidu ġdid fl-istil ta’ politika tiegħu, iżda minflok għażel li jwebbes rasu u falla fl-ewwel test tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li minkejja l-kritika fuq in-nefqa esaġerata tal-Kabinett fil-leġiżlatura li għaddiet, Muscat kompla jwebbes rasu u saħansitra, din id-darba żied in-numru ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari. Dan ifisser nefqa akbar mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.