Dak li hu tajjeb inżommuh, dak li hu ħażin nagħmluh tajjeb

Il-pajjiż illum qiegħed f’salib it-toroq u quddiem din l-opportunità il-poplu se jagħżel lil Malta. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt attività politika taħt it-tinda f’San Ġwann bit-tema ‘Jiena Nagħżel Malta’.

Simon Busuttil qal li għandu fiduċja kbira li nhar is-Sibt li ġej il-poplu Malti se jikteb paġna ġdida fl-istorja tiegħu. Huwa qal li llum nafu li t-triq ta’ Joseph Muscat ħammret wiċċ Malta iżda hemm ukoll għażla oħra: it-triq tal-politika onesta.

Simon Busuttil qal li sa mill-ewwel ġurnata ta’ gvern tal-Forza Nazzjonali huwa se jaħdem bla qatiegħ sabiex jerġa’ jibni r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. L-ewwel ħaġa li jagħmel, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista hi li jmur Brussell biex juri lil kulħadd li Malta issa tista’ tiġi fdata mill-ġdid. Huwa qal li nkunu ftaħna l-presidenza tal-Unjoni Ewropea taħt sħaba sewda iżda nkunu għalaqnieha b’tama ġdida.

Forza Nazzjonali għal ekonomija ta’ livell għola

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma’ li rċieva email mingħand żagħżugħ li jaħdem f’kumpanija internazzjonali fis-settur tas-servizzi finanzjarji fejn qal li dak kollu li ġara ġiegħlu jaħseb fuq il-politka b‘mod oġġettiv. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li dan iż-żagħżugħ stqarr li Gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat ħadmu bis-sħiħ biex jibnu r-reputazzjoni tajba ta’ Malta u issa qed jara li bl-azzjonijiet ta’ Joseph Muscat il-karriera tiegħu ġiet taħt theddida.

Simon Busuttil qal li partit politiku huwa għodda biex jagħmel ġid għall-pajjiż u rringrazzja lil dawk kollha li nhar is-Sibt se jagħżlu, qabel kollox, skont il-lealtà tagħhom lejn il-pajjiż.

Meta Joseph Muscat ma jsibx kif se jiddefendi ruħu, qal Simon Busuttil, jibda jitfa’ t-tajn fuq l-oħrajn. Huwa qal li filwaqt li t-tajn li jitfa’ fuq il-Partit Nazzjonalista ma jeħilx, dak li jaqa’ fuq Muscat u l-klikka tiegħu jeħel għaliex huwa kollu minnu.

Simon Busuttil qal li issa, meta Muscat qed jara li t-tajn li qed jitfa’ mhux jeħel, qiegħed idur għall-biżà u jgħid li l-ekonomija mal-Partit Nazzjonalista se tieqaf. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa kollu biżà mingħajr bażi għaliex kien proprju il-Partit Nazzjonalista li bena l-ekonomija ta’ pajjiżna, u fakkar li anke meta d-dinja kollha kienet għaddeja mill-agħar riċessjoni f’mitt sena, Malta flimkien mal-Ġermanja kienu l-uniċi ekonomiji li żammew it-tkabbir. Simon Busuttil qal li jekk Gvern Nazzjonalista kien kapaċi jmexxi l-bastiment fil-maltemp, aħseb u ara meta issa hemm il-bnazzi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li, minkejja t-track record ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, huwa qed jitlob il-fiduċja tal-poplu għal dak li għadu jrid isir: il-viżjoni ambizzjuża li l-Forza Nazzjonali għandha għal Malta. Simon Busuttil qal li fost dawn il-proposti, hemm il-ħolqien ta’ setturi enokomiċi ġodda bħall-Fintech, l-Internet of Things, l-isport, l-Intrapriża Soċjali. Huwa qal li Gvern immexxi minnu se joħloq opportunitajiet ġodda kbar u fil-fatt qiegħed iwiegħed li se joħloq 30,000 impjieg ta’ kwalità mal-privat.

Bi gvern tal-Forza Nazzjonali l-ekonomija mhux biss tkompli tikber iżda tittieħed fuq livell aktar għoli.

Ekonomija li taħseb fiż-żgħir

Simon Busuttil qal li l-programm elettorali tal-Forza Nazzjonali se jagħti inċentiv konkret li jkompli jsaħħaħ l-ekonomija billi jniżżel it-taxxa tas-self-employed u n-negozji ż-żgħar għal 10% fuq l-ewwel €50,000 profitt.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Forza Nazzjonali hija fuq kollox impenjata li tgħin liż-żgħir u għalhekk se tbaxxi għal 10% it-taxxa ta-dħul għal dawk li jaqilgħu sa €20,000, Huwa qal li minn din il-miżura se jgawdu xejn inqas minn 121,000 ħaddiem u din tpoġġi fil-prattika l-politika tan-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-gvern ta’ Muscat ilu snin jisraq lill-poplu fuq il-petrol u d-diesel iżda gvern tal-Forza Nazzjonali se jnaqqas il-prezz b’5 ċenteżmi filwaqt li jżommhom taħt il-medja Ewropea għal ħames snin sħaħ.

Simon Busuttil qal li gvern immexxi minnu se jagħmel l-akbar investiment fi proġetti kapitali li qatt ra pajjiżna fi kwalunkwe żmien. Wieħed minn dawn huwa s-sistema tal-metro li fiha nnifisha se tiġgenera attività ekonomika straordinarja. Huwa qal li hemm ħafna affarijiet oħrajn li juru li l-Partit Nazzjonalista huwa ppreparat tajjeb biex isaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Il-Gvern ta’ Muscat, għalkemm jgħid li huwa pożittiv u seren, għamel kampanja ta’ ħames ġimgħat jikkritika kull proposta tal-Partit Nazzjonalista u jbeżża’ fuq kull ħaġa fosthom li l-kaċċa se titwaqqaf, se jieqfu l-festi, se jiġi abolit il-logħob tan-nar. Simon Busuttil qal li dan huwa livell baxx ta’ politika u qal li n-nies jafu li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern mhux talli ma jfixkilx iżda talli jipproteġi l-identità u l-kultura ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa għandu fiduċja li t-tama se tirbaħ fuq il-biżà u n-nies issa għandhom seba mitt sena biex imorru jivvutaw. Huwa qal li quddiem l-għażla bejn Muscat u Malta, il-poplu se jgħid “Jiena Nagħżel Malta”.