100 proposta mill-Għawdxin għall-Għawdxin

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/05/13/100-proposta-mill-ghawdxin-ghall-ghawdxin/

Il-programm elettorali speċifiku għal Għawdex juri l-mod differenti kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmel il-politka. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt attività taħt it-Tinda bit-tema “Jiena Nagħżel Malta’.

Simon Busuttil qal li, għall-ewwel darba fl-istorja politika ta’ pajjiżna, sar programm elettorali speċifiku għal Għawdex. Huwa qal li, aktar importanti minn hekk, dan tfassal mill-Għawdxin stess billi l-Partit Nazzjonalista tkellem man-nies u ra l-bżonnijiet tagħhom u s-soluzzjonijijet tagħhom.

Il-Partit Nazzjonalista huwa kburi b’dan il-programm, qal Simon Busuttil, u qal li huwa jittama li anke l-Għawdxin huma kburin bil-Partit Nazzjonalista b’dan il-pass. Simon Busuttil qal li Joseph Muscat mhux talli ma kellux pjan għal Għawdex talli r-raodmap li kien wiegħed ħaditu n-naħa l-oħra tad-dinja.

Wara erba’ snin ma jagħmlu xejn għal Għawdex, kompla Simon Busuttil, issa stiednu lis-soċjetà ċivili Għawdxija għal kungress urġenti biex jisimgħu l-ideat għal Għawdex. Huwa qal li meta tiġi għas-sustanza, il-Partit Laburista għadu se jibda imma l-Partit Nazzjonalista diġà lest. Jekk il-Partit Nazzjonalista kapaċi jkun daqshekk preparat sa mill-Oppożizzjoni aħseb u ara mill-Gvern, tenna Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’Jannar, meta ħadd ma kien qed jobsor li l-Elezzjoni Ġenerali ġejja daqshekk kmieni, beda l-proċess li jiġġenera ideat konkreti li jtejjbu l-kwalità tal-ħajja għall-Għawdxin. Huwa qal li l-programm elettorali jiġbor l-aħjar 100 idea li ħarġu minn din il-konsultazzjoni li jagħtu viżjoni ċara u fit-tul għal Għawdex.

Ħames impenji ċari għall-Għawdxin

Aċċessibilità

Gvern Nazzjonalista se jiffoka immedjatament u b’mod serju fuq il-permanent link bejn Għawdex u Malta sabiex ladarba jitlestew l-istudji preliminari, jibda il-proġett minnufih. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jħares lejn dan il-proġett mhux bħala proġett għall-Għawdxin biss imma bħala wieħed nazzjonali; wieħed li jista’ jġib rivoluzzjoni sħiħa fl-iżvilupp taż-żewġ gżejjer.

Simon Busuttil qal li Għawdex qiegħed, ftit ftit, jispiċċa maqtugħ fi gżira għall-anzjani biss. Huwa qal li l-link se jagħmel differenza konkreta fil-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin li jkunu jistgħu jivjaġġaw faċilment mingħajr l-inkonvenjent tal-qsim bil-baħar, jew mingħajr ma jkunu sfurzati jagħmlu għażla bejn jgħixu Għawdex jew Malta. Simon Busuttil qal li dan il-proġett huwa ħolma għall-Għawdxin u l-Partit Nazzjonalista l-partit li kapaċi jibdel il-ħolm tan-nies f’realtà.

Identità

Simon Busuttil qal li jrid iserraħ ras kulħadd li l-ebda permanent link mhu se jxejjen l-identità distinta tal-gżira Għawdxija. Sabiex żgur ikun ċar għal kulħadd li l-Partit Nazzjonalista jaf x’qed jagħmel f’dan ir-rigward, kompla Simon Busuttil, Gvern ġdid Nazzjonalista se jibdel il-kostituzzjoni biex Għawdex jiġi rikonoxxut bħala gżira reġjun. Minn din il-klawżola kostituzzjonali jerġa’ jibda jaħdem il-Kunsill Reġjonali li jikkollabora mal-Ministeru għal Għawdex u, fl-istess ħin, iżommu taħt il-lenti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Kunsill Reġjonali jippermetti lil Għawdex li japplika u jinnegozja pakkett ta’ fondi għal Għawdex mal-Unjoni Ewropea li jlaħħaq €250 miljun. Gvern Nazzjonalista kien innegozja €1.2 biljun li l-Gvern ta’ Muscat ma kienx kapaċi jużah, qal Simon Busuttil, iżda l-fondi għadhom hemm u Gvern ġdid Nazzjonalista se jużahom għall-ġid ta’ kulħadd.

Infrastruttura

Il-Gvern ta’ Muscat abbanduna kompletament l-infrastruttura ta’ Għawdex, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, u mar kontra l-wegħdi kollha li kien għamel qabel l-aħħar elezzjoni. Simon Busuttil qal li Gvern ġdid Nazzjonalista se jlesti Masterplan għall-infrastruttura għal Għawdex fi żmien sena. Huwa qal li se jibdew ix-xogħolijiet b’investiment ta’ €60 miljun fuq it-toroq Nadur-Rabat; Marsalforn-Rabat; Żebbuġ-Rabat; u Xagħra-Rabat. Apparti t-toroq arterjali, se jsir ukoll investiment xieraq anke fuq it-toroq residenzjali u Gvern Nazzjonalista se jżid il-budget minn €1 miljun għal €4 miljuni fis-sena.

Inċentivi

Fost diversi inċentivi għan-negozji u familji, Simon Busuttil semma’ li Gvern immexxi minnu se jneħħi t-taxxa tal-boll għal min jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu f’Għawdex. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jeżenta kompletament mill-income tax lil kull negozju li se jiftaħ ġdid fuq medda ta’ tliet snin sa massimu ta’ €200,000. Simon Busuttil qal li Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jagħti każ il-bdiewa f’Għawdex li ntequ għal kollox.

Saħħa

Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jieħu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u jagħtih lura lill-Għawdxin. Huwa qal li dan kien sptar tal-Għawdxin u l-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jagħmlu tal-Għawdxin. Simon Busuttil qal li l-ebda ħaddiem m’għandu għalfejn jaqa’ għall-biża’ li qed jippruvaw jiżirgħu dwar li se jitilfu x-xogħol jekk l-Isptar jerġa’ jsir pubbliku. Huwa qal li dawn il-ħaddiema għadhom tal-Gvern u hekk se jibqgħu anke meta l-Isptar jingħata lura.

Simon Busuttil qal li l-kwistjoni tal-iskola medika ta’ Barts hija waħda separata u l-Partit Nazzjonalista dejjem kien favur dan il-proġett. Gvern Ġdid Nazzjonalista se jara li dan il-proġett jiġi fit-tmiem.

Il-problema ta’ Malta jisimha Joseph Muscat

Simon Busuttil qal li l-korruzzjoni hija problema li qiegħdin jarawha n-nies u issa anke il-kumpaniji li bdew jaqbżu lil Malta u jmorru jinvestu f’pajjiżi oħra. L-unika mod kif il-probema tal-korruzzjoni nneħħuha, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, hija billi nivvutaw biex il-klikka ta’ Kastilja titlaq minnufih u l-politika titnaddaf darba għal dejjem.

Din l-elezzjoni hija għalhekk waħda ta’ prinċipji mhux biss ta’ proposti, qal Simon Busuttil. Huwa qal li Joseph Muscat diġà qiegħed iwiegħed ħafna, iżda dak li żgur ma jistax iwiegħed hija l-onestà.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa mar jixhed quddiem it-tieni Maġistrat fil-każ tal-korruzzjoni mill-bejgħ taċ-ċittadinanza. Huwa qal li Keith Schembri imexxi Kastilja u jmexxi lill-Gvern ta’ Muscat. Simon Busuttil fakkar li Keith Schembri dar id-dinja ma’ Joseph Muscat waqt li kien qiegħed ibiegħ il-passaporti tagħna. Il-gravità tas-sitwazzjoni hija enormi, qal Simon Busuttil, għaliex Joseph Muscat u Keith Schembri huma magħqudin flimkien.

Joseph Muscat ma jista’ qatt ineħħi lil Keith Schembri, la issa u lanqas jekk jiġi kkonfermat bħala Prim Ministru, tenna Simon Busuttil. Huwa qal li din hija l-problema li qiegħed jaffaċċja pajjiżna: li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi humaħaġa waħda. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat messu neħħa lil Schembri mhux issa, iżda dakinhar stess li faqqa’ l-iskandlu tal-Panama aktar minn sena ilu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ladarba Muscat ma kienx kapaċi jneħħi lil Schembri u li Mizzi, jfisser li anke huwa għandu l-faħam miblul. Muscat sa dalgħodu stess tenna li għandu l-fiduċja f’Keith Schembri, qal Simon Busuttil, u dan ifisser li Muscat huwa responsabbli għal Schembri.

Simon Busuttil qal li din l-Elezzjoni Ġenerali titlob minn kulħadd sens ta’ dover. Din hija Elezzjoni straodinarja u huwa qal li qiegħed iħoss li hawn mewġa, forza li qiegħda tqum u biex terġa’ tinkiteb mill-ġdid l-istorja ta’ pajjiżna. Fit-3 ta’ Ġunju, il-poplu Malti se jingħaqad, qal Simon Busuttil, biex bejn il-Klikka f’Kastilja u pajjiżna, in-nies jagħżlu Malta.