Jekk ma jkunx hemm bidla fid-direzzjoni, pajjiżna ser ikollu l-aqwa tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/05/12/jekk-ma-jkunx-hemm-bidla-fid-direzzjoni-pajjizna-ser-ikollu-l-aqwa-tkabbir-ekonomiku-fl-unjoni-ewropea/

Stqarrija maħruġa mill-Gvern ta’ Malta tgħid li skont il-Kummissjoni Ewropea, fl-2017 u fl-2018 pajjiżna ser ikollu l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, l-esperti tal-Kummissjoni qed ibassru għal Malta rata ta’ tkabbir ta’ 4.6% fl-2017 u 4.4% fl-2018.

Dan huwa kważi tliet darbiet iktar mir-rata mbassra għaż-żona ewro u aktar mid-doppju tar-rata medja ta’ tkabbir li kienet osservata tul l-amministrazzjoni preċedenti. Imqabbel mat-tbassir preċedenti tal-Kummissjoni Ewropea kien hemm reviżjoni qawwija ’l fuq fir-rata ta’ tkabbir għal Malta, filwaqt li t-tbassir għall-bqija tal-Unjoni Ewropea baqa’ stabbli.

It-titlu tar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea fuq Malta huwa ‘Malta: Solid growth continues’. L-esperti tal-Kummissjoni jgħidu li “Malta’s economy performed better than expected in 2016”. Dan minħabba żieda fl-esportazzjoni ta’ servizzi, tkabbir fil-konsum privat riżultat ta’ żidiet fid-dħul disponibbli, tnaqqis fil-qgħad u livell ta’ investment li skont il-Kummissjoni “remains well above the historical average”.

It-tkabbir ekonomiku mistenni jkompli jirriżulta f’iktar impjiegi filwaqt li r-rata tal-qgħad ser tibqa’ taħt il-5%. Iż-żieda reali fil-paga medja, skont il-Kummissjoni, ser tkun ferm iktar mid-doppju ta’ dik taħt l-amministrazzjoni li għaddiet.

L-istqarrija tkompli tgħid li filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jsostni li s-surplus seħħ minħabba nuqqas ta’ spiża kapitali, l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea huma ċari. Fir-rapport tagħhom jgħidu li “this better-than-expected outcome is explained by the high growth rate of current revenue”. Fost l-oħrajn isemmu t-tkabbir fid-dħul tal-income tax minkejja li tnaqqsu r-rati, filwaqt li jirrimarkaw l-importanza tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.

Fattur ieħor importanti huwa li, kontra dak li jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-esperti Ewropej jgħidu li “net capital expenditure increased by 0.3 pps of GDP”.

Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea mhux talli jbassar li s-surplus ser jerġa’ jinkiseb din is-sena u li jmiss, imma talli juri li dan ser ikun l-aqwa surplus fl-Unjoni Ewropea f’dawn is-sentejn.

Il-piż tad-dejn nazzjonali ser jaqa’ għal 52% tal-ġid nazzjonali. F’leġislatura waħda l-Gvern ser ikun ġab fix-xejn iż-żieda fil-piż tad-djun li wettqu tliet amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.

Ir-rapport tal-Kummissjoni jgħid li “for all other incoming data, including assumptions about government policies, this forecast takes into consideration information up until and including 25 April 2017” u li “the projections assume no policy changes”. Għalhekk dan l-eżerċizzju li sar qabel ma’ tħabbret l-elezzjoni juri li, jekk ma jkunx hemm bidliet fid-direzzjoni, fis-snin li ġejjin pajjiżna ser ikollu l-aqwa rata ta’ tkabbir ekonomiku, flimkien mal-iktar finanzi fis-sod minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.