Kafka Qalb Ċpar u Trab Itir

Gregor Shamsa li hu negozjant li jmur minn post għall-ieħor biex ibiegħ, jum fost l-oħrajn, meta jqum mir-raqda jsib li matul il-lejl inbidel f’insett kbir. Jibqa’ fis-sodda, jgħaddi l-ħin, jintebaħ li tilef il-ferrovija li ssoltu tieħdu għax-xogħol. Bil-ħidma tiegħu m’hux ferħan, l-anqas min iħaddmu ma hu kuntent bih. Franz Kafka (1883-1922) fin-novella ‘Metamorphosis’ (Bidla) ma jgħidilniex kif u għaliex dan il-bniedem ġralu hekk. Omm Gregor tħabbat fuq il-bieb tal-kamra nkwetata għax il-ħin għaddej. Iwieġeb, jintebaħ li leħnu tbiddel, b’dan ommu ma tintebaħx. Oħtu Grete li hi l-bniedma l-aktar qrib tiegħu fil-familja tpespes minn wara l-bieb, titolbu jiftaħ. Huwa jagħmel li jista’ biex iqum mis-sodda, imma jiċċaqlaq ma jistax. Jasal min jimpjegah għax ma għandiex tintilef ġurnata xogħol.

Ħadd minn naħa l-oħra tal-bieb ma jifhem x’ġara: jaħsbuh li marad. Fl-aħħar b’ħalqu jirnexxielu jiftaħ il-bieb. Ommu jħossha ħażin, min iħaddmu jitlaq, missieru jkeċċieh minn kamartu.

Imsejken Shamsa li bil-paga tiegħu kien jgħajjex il-familja li kien jittama li xi darba bil-flus lill-oħtu jgħallimha l-pjanu.

Novella oħra: ‘Amerika’: Karl Rossman, żagħżugħ ta’ sittax-il sena jitlaq mid-dar għax taqqal tfajla, biex imur New York ħalli jfittex ix-xogħol. Il-passiġġieri nieżlin, Karl jintilef, fl-aħħar jiltaqa’ man-najjar (stoker) u jsiru ħbieb.  Kafka kellu f’rasu li n-novella tagħlaq hawn. Imma issokta jikteb. Karl jiltaqa’ ma’ bniedem sinjurun li jgħid li hu zijuh. Minħabba ħmerija z-ziju u n-neputi jinfirdu f’din l-art ta’ ħalib u għasel. Jiltaqa’ ma’ tnejn minn nies li skont Kafka ma jsaddu mkien. Ibiegħulu ħwejġu. Isib xogħol f’lukanda iżda jitlef l-impieg biex isib ruħu f’maqħab, minn fejn ma jistax jaħrab. Fl-aħħar jiżgiċċa u jimpjega ruħu ma’ teatru, bħala bniedem tekniku bl-isem ta’ Negro. Tagħlaq in-novella li tispiċċa tajjeb għalkemm Kafka jidher li kellu f’rasu li jtemma itjeb għall-għażiż Karl.

Novella surreali kważi ċajta fejn Karl isib ruħu waħdu f’kontinent qalb nies li japprofittaw ruħhom minnu, bniedem sempliċi, mhux makakk, kważi fidil. Il-protagonist jiġi wiċċ imb wiċċ ma’ awtorita li jkollu jeħodha magħha.  Xi qraba ta’ Kafka kienu tassew telqu lejn l-Amerka, setgħu spirawh.

Il-president tal-Istati Uniti tal-Amerika u dak taċ-Ċina għadhom kemm iltaqgħu fl-Amerka. Xieraq u sewwa li Kafka fin-novella ‘Il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina’ ifehmna sa fejn jista’ kif tela’ dan il-ħajt.

Mela ġemgħa ta’ ħaddiema bdew itellgħu ħames mitt jarda ġebel fuq naħa ta’ qasam. Ħames mitt ħaddiem bdew jagħmlu l-istess xogħol ‘l bogħod minnhom. Meta tlesta x-xogħol baqa’ l-vojt fin-nofs għax min bena naħa min oħra. Mill-vojt jista’ jgħaddi l-għadu waqt li l-ħajt ukoll isib ruħu fil-periklu. Tribuwijiet nomadi jduru qrib il-ħajt, theddida kbira. Imma għaliex il-ħajt inbena biċċa biċċa, jistaqsi Kafka li jsir ċiniż, lil qarrejja.

Il-ħajt kellu jaqdi dmiru għal mijiet ta’ snin. Saret ħidma kbira. Għerf ta’ periti tal-imgħoddi, ħidma kbira ta’ eluf ta’ nies tal-mestier. Imma min ser jieħu ħsieb ta’ dawk li jieħdu ħsieb. Jekk il-ħaddiema jinżammu ‘l bogħod minn familthom, jiddejqu, jitilfu l-interess. Aħjar ix-xogħol isir biċċa biċċa biex minn żmien għal żmien il-ħaddiema jittieħdu ‘l bogħod ħa jaraw kif jaħdmu sħabhom, ħa jisimgħu it-talb lill-allat. Tnisslet fihom imħabba kbira lejn pajjiżhom. Xtaqu li jisfidaw it-Torri ta’ Babel imma dan waqa’ għax is-sisien kienu dgħajfa. Ukoll l-ewwel kellu jsir il-ħajt u fuqu jinbena torri. Kemm għorrief studjaw u kitbu. Il-ħajt hemm qiegħed. Dawn il-ħafna ħsibijiet għalfejn?

L-aħħar ħsieb: “In-natura tal-bniedem, kapriċċuża fl-essenza tagħha, magħmulha bħal trab li jobrom, mhux ser toqgħod għall-ebda jasar: jekk ixxekkel lilha nnifisha malajr tibda tqatta’ bla rażan fejn hem ix-xkiel – tqaċċat kollox fi bċejjeċ – il-ħajt, il-katina li torbot lilha nnifisha – u xxerridhom mal-erba’ naħat tas-sema.

 

Ħajr lil Agenda Book Shop