Wisq Dlam

Ħadmet ta’ manikin, gwida kittieba ta’ stejjer ma’ sinjura għanja li ġġibhom f’gazzetta. Taparsi kitbithom hi. Tgħix f’lukanda fqira, tixtieq issib oħra xi ftit aħjar. Tgħaddi minn ħanut ta’ kafe’ għall-ieħor. X’ħajja hi din tagħha. “Ma għandi l-ebda kburija – l-ebda kburija, l-ebda isem, l-ebda wiċċ, l-ebda pajjiż, ma għandi rabtiet ma’ mkien. Imdejjqa wisq, imdejjqa wisq. Ma jimpurtax, hemm qiegħda, bħal waħda minn dawk it-tibniet li tgħum madwar it-tarf ta’ belliegħa tonda ta’ ilma u li bil-mod il-mod tinġibed ġewwa n-nofs, in-nofs mejjet, fejn kollox hu mistagħder, kollox hu holm.” Rumanz ta’ Jean Rhys (Ella Gwendolyn Rees Williams – 1890-1979). ‘Good Morning, Midnight’. It-titlu meħud minn poeżija ta’ Emily Dickinson (1830-1886 ). Il-protagonsita hi Sasha Jansen li qed taqla’ fuq wiċċha. Iżżewġet lil Enno, raġel mill-aħjar imma li ma għandux xogħol. It-tnejn jittamaw li jekk jitilqu minn Londra u jmorru Pariġi, ħajjithom ser tinbidel, isibu x-xogħol, jaqilgħu l-għajxien tagħhom, isiru għonja. Imorru lejn din il-belt sabiħa fejn għexet Sasha f’żogħżitha. Toħroġ tqila, it-tarbija tmut, Enno jitlaq. Sasha titkisser, tibda tbati minn manija ta’ persekuzzjoni, issir alkoħolika, trid tagħmel suwiċidju. Titlaq lejn Londra minn fejn ġiet.

Tingħata l-għajnuna biex toħroġ mid-dieqa u mid-dlam li sabet ruħha fih. Ifettillha terġa’ tmur Pariġi bil-ħsieb li tgħix waħedha, taqta’ x-xorb, ma tkellem lil ħadd, tiżbogħ xagħarha. Thewden li qatt ma kienet żagħżugħa minkejja li qabel Pariġi kienet kollox għaliha. “Jien imdejjqa, imdejjqa bħal iljuna ta’ ċirku, imdejjqa daqs ajkla bla ġwienaħ, imdejjqa daqs vjolin b’korda waħda, u dik il-waħda hi miksura, imdejjqa daqs mara li qed tixjieħ”. Taf toroq li jħobbuha, toroq li ma jħobbuwhiex, kif taf li hemm ħwienet li jħobbuha u oħrajn li ma jħobbuwhiex. Tistenbaħ waqt il-lejl, tinfexx tibki, ma tafx x’ġara minn żogħżitha issa li hi ta’ mezza eta. In-nies titkellem dwar ħajja ferħana, imma l-ħajja ferħana tiġi meta ma jimpurtahiex la mill-ħajja u l-anqas mill-mewt. Toqrob lejn din il-ħajja wara ħafna żmien u ħafna sfortuni. Meta tasal ser tibqa’ hemm? Le, ma titħallhiex hemm. Mill-ġenna tmur għall-infern.

Tmur tgħix f’lukanda oħra fejn kamritha hi mimlija dubbien li jagħtuha fastidju. Flus ma għandiex, titlob lil xi ħadd l-Ingilterra biex jislifha xi ħaġa. Sorijiet f’kunvent jibdew jieħdu ħsieha, kif ukoll jagħtuha tiekol. B’hekk ma għandiex tibqa’ tistrieħ fuq il-karita’.

Tiltaqa’ ma żagħżugħ li jaħseb li hi sinjura għax tilbes kowt sabiħ. Jitkellmu fit-tul fuq l-imgħoddi tagħhom, fuq is-sess, fuq il-ħbiberija. Hi ma tridx ikollha x’taqsam miegħu. Waqt li hu ser jitlaq darba għal dejjem tħoss li għandha tgħajjatlu lura imma issa telaq.

Il-ktieb ‘Good Morning, Midnight’ ġie mxandar fl-1939, ma tantx imbiegħ. Għal ħafna snin il-kittieba marret toqgħod f’raħal żgħir f’Cornwall. Intesiet. Fl-1966 ħarġet rumanz ieħor ‘Wide Sargasso Sea’  li għamlet snin taħdem fuqu. Fl-1967 dan kisbilha l-premju W.H. Smith Literary Award. Meta l-ktieb kien ser jiġi preżentat bħala xogħol fuq il-palk, il-produttur kellu joħroġ avviż fuq il-gazzetti biex il-kittieba tagħmel kuntatt miegħu. Fl-1975 inħadem għar-radju BBC. Fl-1978 ingħatat il-ġiegħ ‘Commander of the British Empire’.

Ħasset li l-ġieġħ li kisbet kien ġie tard wisq.

 

Ħajr lil Agenda Book Shop