Maxim Gorky – ‘Tfuliti’

Il-mewt ta’ missieru. Hekk jibdew it-tifkiriet tal-kittieb Russu Maxim Gorky (Aleksei Maksimovich Peshkov – 1868-1936) fi tlett volumi. L-iktar volum imsemmi huwa l-ewwel wieħed ‘Tfuliti’. Il-kittieb ifisser lill-qarrejja kif hu u ommu imorru joqogħdu ma’ nannietu, missier u omm ommu. “U hemmhekk bdiet ħajja ġdida… fejn il-jiem għaġġlu b’ħeffa mwerwra. Issa naraha bħala ġrajja ħarxa, il-ħolqien ta’ artist sinċier b’devozzjoni mħeġġa lejn is-sewwa, kienet kemm kienet ħarxa. Waqt li nagħmel li nista’ bies nagħti ħajja lill-imgħoddi nsibha iebsa li nemmen li ġrat kollha kemm hi. Dik il-ħajja waħxija tant kienet mimlija vjolenza li saħansitra nixtieq nistaqsi dwarha jew ngħaddiha ħafif fuq fuq, ħafna minnha”.

Jistaqsi lilu nnifsu:  x’jiswa li nirrakkonta dawk iż-żminijiet kiefra. Iva, għandi nirrakkuntahom biex ikunu magħrufha qabel ma jegħbu minn tifkirieti, ruħi, ħajti mimlija mistħija. Għan ieħor: Il-bniedem Russu hu b’saħħtu biżżejjed biex jegħleb l-hemm tal-ħajja. Il-kittieb ifittex ġewwa għeruqu u dak li jsib jgħożżu bl-akbar sengħa.

Il-familja tan-nanniet. In-nannu kien darba kaħlun tat-tajjeb. Imma l-pajjiż sejjer lura, iz-zijiet jitgħażżnu, jiġġieldu fuq il-wirt l-aktar jekk oħthom, omm Maxim għandiex tieħu dota għax jekk tieħu sehemhom jonqos.

Id-dinja hija tal-uġigħ u tat-tbatija, tal-mard, raġel jinqatel, in-nies jisirqu l-injam u jgħallmu lil uliedhom jagħmlu l-istess. Xi ġar ma jħallix lil uliedu jilagħbu ma’ tfal oħra. Xi jħoss ġewwa fih it-tifel Maxim? “Ħafna minn dak li jiġri fid-dar kien interessanti u jagħti gost, imma xi drabi kont inħossni mtaqqal b’dieqa li ma stajtx negħleb. Kien donnu li kont ġejt mimli b’xi ħaġa tqila ħafna u għal żmien twil għext fil-qiegħ ta’ ħofra fonda u mudlama bla dawl u smiegħ jew ebda sura ta’ ħass, agħmi u nofsni mejjet.”

Hemm in-nannu, il-‘pater familias’ li bis-seta’ jsaltan fuq il-famlja. Isawwat darba fil-ġimgħa lin-neputijiet bil-frosta skont in-nuqqasijiet tagħhom. Imur il-knisja, jgħanni s-salmi imma l-alla tiegħu ma jħobbx il-ħajja. In-nanna tara lil alla ħanin f’dinja ta’ tbatija. Tħobb lin-neputi u tirrakkontalu l-istejjer b’imħabba kbira. Titlob għarkupptejha ħdejn is-sodda fejn torqod hi u n-neputi li jista’ jisma’ “il-ġlata tfaqqa’” barra u jara “raġġi ħodor tal-qamar li jiddu mit-twieqi miksija minn disinji tas-silġ, idawwlu lil wiċċha ħanin u l-imnieħer kbir tagħha, ikebbsu l-għajnejn suwed tagħha b’nar fosforexxenti. Ix-xall tal-ħarir li kien jgħatti xagħarha kien jiddi bħal azzar jikwi.” In-nanna tara ix-xjaten bil-lejl u l-erwieħ mitlufa qieshom wirdien.

Barra n-nanna hemm Grigor li bħal saħħar ħanin jirrakkonta wkoll l-istejjer waqt li z-ziju Yakov idoqq il-kitarra. Il-bniedem għandu setgħat ġewwa fih li jirnexxielhom inisslu ħajja aktar imdawwla, aktar ħanina li jum wara jum tiġġedded, toħloq, taħsad il-bniedem.

Gorky ħa sehem fil-politika ta’ żmienu. Kellu rabtiet mal-Marksisti ta’ żmienu, ġie arrestat għax ħa sehem fir-Rivoluzzjoni tal-1905, ġie meħlus meta ntellettwali barranin daħlu għalih għax kien kiseb fama kbira bix-xogħol tal-palk ‘The Lower Depths’. Fl-1906 mar l-Istati Uniti tal-Amerka biex jiġbor flus għall-moviment rivoluzzjonarju. Mar lura bi bwiet vojta. Wara r-rebħa tal-Bolxevisti fl-1917 ma baqax lura mill-kritika kontra l-mexxejja l-ġodda li għalqulu l-gazzetta tiegħu ‘New Life’. Fl-istess żmien irnexxielu jsalva xogħolijiet ta’ arti mill-qerda. Il-komunisti dejjem rieduh ‘qribhom’ minħabba l-ġieħ letterarju li kiseb f’pajjiżu u pajjiżi oħra. Minkejja li kien marid qamu suspetti kbar dwar kif seħħet mewtu fl-1936.

Tfulitu ħadd ma jinsiha. Xierqa silta oħra mill-ktieb li dwaru qed nikteb. “Meta nsejjaħ lura tfuliti nieħu gost nara lili nifsi bħal duqqajs li nies differenti, sempliċi, mhux magħrufa kienu jġibu lejja l-għasel tat-tagħrif tagħhom u ħsibijiet dwar il-ħajja, hekk minn qalbhom jagħnu il-karattru tieghi b’dak li għaddew minnhu.  Bosta drabi dan l-għasel kien maħmuġ u qares imma kull biċċa tagħrif dejjem kienet għasel.”

Ħajr lil Agenda Book Shop