Eugene Onegin

Alexander Pushkin (1799-1937) wieħed mill-aqwa poeti Russi jirregala lill-qarrejja ir-rumanz ‘Eugene Onegin’ f’versi. Tmien kapitli bi strofi ta’ erbgħatax-il vers. Il-muża nebbħitu “f’dawk il-jiem fil-widien mistura tar-rebbiegħa l-muża bdiet tidhirli mal-għajta taċ-ċinji qrib il-mijiet fil-ħemda. Il-kamra żgħira ta’ student f’daqqa xegħlet: il-muża fetħitilha il-festa tal-fantażija żagħżugħa, għanniet il-ferħat taż-żogħżija, u l-glorja taż-żminijiet tagħna li għaddew, u l-ħolm jitriegħed ġewwa l-qalb.” Minħabba ċ-ċensura meta ġie għall-publikazzjoni il-kittieb ħalla barra jew bidel xi versi. Ħażżeż enċiklopedija tal-ħajja russa, ġabar minn xiex għadda, kiteb djarju liriku ta’ intellettwali li kien, għanna id-drawwiet ta’ ġensu, il-ħolm imsaħħar tal-imgħoddi f’ħafna suriet ta’ kitba. Il-protagonisti fir-rumanz jibdlu l-karattru tagħhom tul il-firxa taż-żmien. Ma tibqax barra l-ironija.

Il-protagonist ewlieni li jagħti l-isem lir-rumanz jiġri lejn raħal fejn zijuh jinsab fuq is-sodda tal-mewt. Jiret mal-mewt ta’ dan. Ser tinbidel ħajtu għax missieru kien falla, ġidu mikul mill-kredituri. Jibda jgħix fil-kampanja wara x-xalar fl-ibliet imma “għal jumejn l-għelieqi bla wens dehrulu ġodda, il-frisk tal-masġar delli, it-tħaxwix kwiet tal-ilma ġieri, fit-tielet jum il-masġar, l-għolja ma kienx jimpurtah aktar minnhom, wara ċaħduh mill-irqad, wara ra biċ-ċar li fil-kampanja kien iħoss l-istess dieqa bħal dik tal-ibliet, ukoll li ma kienx hemm la toroq, la palazzi, la karti tal-logħob, la poeżija. Il-malinkonija kienet tistennieh bħal għassies, u kienet tiġri warajh bħal dell jew mara fidila.”

Isir ħabib tal-poeta Vladimir Lenski li “kien jgħanni l-imħabba, hu li kien jisma’ mill-imħabba u l-għanja tiegħu kienet safja bħal ħsibijiet ta’ xebba ta’ qalb sempliċi, bħal ħolma ta’ tifel ċkejken, bħal qamar, alla tal-misteri u tat-twelid ħelu fid-deżert bla qies u l-kejla tas-sema”. Dan iħobb lil Olga Larin waqt li oħtha akbar minna Tatiana tħobb lil Eugene.

Darba fost l-oħrajn Vladimir jieħu lil Eugene għar-riċeviment għand il-familja Larin. Eugene flok isib ftit nies isib ruħu fost ħafna mistednin, ‘nies tal-kampanja’. Iqis ta’ madwaru bħala satira ta’ dak li kien imdorri bih fl-ibliet. Barra hekk jibda jaħseb li l-mistednin qed ilabalbu fuqu u Tatiana. Joħroġ jiżfen ma’ oħtha Olga li taqa’ għalih. Vladimir, li ma għandux ħażen, jieħu għalih u jistieden lil sieħbu għad-dwell. Tal-ewwel imut u jindifen fejn hemm “ir-rużinjol tar-Rebbiegħa jgħanni l-lejl kollu: hemm toħroġ il-warda salvaġġa, hemm jinstema’ it-tħaxwix tal-għajn.” Eugene wara t-traġedja jitlaq minn pajjiżu. (L-istess  sura ta’ mewt ser tmiss lill-kittieb ta’ tmienja u tletin sena). Eugene fid-dinja ser jitlef kollox. Ħbieb, imħabba….

Il-kittieb u l-protagonista ma humiex l-istess persuna. Huma ulied l-istess żmien, fl-istess ċivilta’, l-istess ġemgħa soċjali u kulturali, in-nobbilta Russa li għandha l-kultura tagħha kif tħares lejn id-dinja tagħha u d-dinja tal-oħrajn.

Il-kittieb xi drabi ikellem direttament lil-qarrej “imbierek dak li ilu li telaq il-festa żgħira tal-ħajja, mingħajr ma xorob sal-qiegħ il-kus mimli nbid! Imbierek dak li ma qarax sal-aħħar ir-rumanz u kien jgħid li fid-dqieqa taż-żmien jinqata minnu kif jiena issa ser inħalli lil Onegin tieghi”. Imma jien il-ktieb qrajtu u għoġobni.

Ħafna drabi il-kittieb jitbiegħed għal ftit mis-suġġett, ipitter kwadri oħra u wara jissokta.  Sbieħ u mill-aqwa id-dehriet tal-istaġuni.

 

Ħajr lil Agenda Book Shop