Is-Setgħa u l-Mużika

“The Noise of Time”. Għalija l-aqwa xogħol ta’ Julian Barnes (1946 –   ) li bix-xogħol ‘The Sense of an Ending’ li ktibt dwaru f’din il-gazzetta rebaħ il-Man Booker Prize fil- 2011 . Ir-rumanz li qed nikteb dwaru llum huwa l-ħajja ‘imparti mistħajjla’ tal-kompożitur kbir Russu Dmitri Dmitrievich Shostakovich (1906-1975) li għex fiż-żminijiet ta’ Lenin, Stalin u Khrushchev.

Ta’ min hi l-arti “ta’ kulħadd u ta’ ħadd. L-arti hija ta’ kull żmien u tal-ebda żmien. L-arti hija ta’ dawk li joħolquha u dawk li jtegħmuha. L-arti qatt aktar ma hi ser tkun tal-Poplu u tal-Partit kif qatt ma kienet tal-aristokrazija u tal-patrun. L-arti hi tfesfis tal-ġrajja, li tinstema’ ‘l fuq mill-ħsejjes tal-ġrajja: l-arti hi għall-poplu. Imma għal liema nies, u min ser jgħid min huma ?”

Il-mużika: jekk hi qawwija u safja biżżejjed biex ma jinstemgħax il-ħoss taż-żmien, tinbidel fi tfesfis tal-ġrajja. Il-mużika qiegħda ġewwa l-bniedem imma l-bniedem jista’ jsib ruħu taħt it-tiranni li joħonqu lilu u dak li joħloq. Il-setgħa li tkellmek: uffiċjali tal-gvern, artikli fil-gazzetta tal-partit, is-sefsif f’widnejk fil-pubbliku.  Jiġi mkasbar, miċħud mill-għajxien, imġiegħel jindem għal ħtijiet li qatt ma wettaq. Jista’ jmut. Il-mużika tiegħu tindifen qiesu qatt ma kienet. Jegħjbu r-ritratti tiegħu. Jistgħu jerġgħu iqajjmuh mill-mewt, isemmu biċċa mill-mużika tiegħu, il-biċċa li jridu. Jistgħu jgħidu li kiteb il-ħmerijiet, li għamel komplott kontra l-Mexxejja tal-Gvern. Jistgħu jgħidu lil uliedu, ta’ sittax-il sena, ħerġin minn orfanatrofji fis-Siberja li hu kien telaqhom. Ma jgħidulhom xejn dwar il-kompożizzjonijiet tiegħu.

Is-setgħa matul il-ġrajja tal-bniedem dejjem għamlet biex tqarraq u tħawwad lil dawk li ħasbet li qed jhedduha. Ma tonqosx imma titbiddel. Toħroġ idejha ħa taħtaf. Lenin miet, Stalin miet. Deher Nikita Khrushchev. Kien hemm it-tama li s-silġ jibda jinħall. Xi ħwejjeġ irranġaw, sigrieti koroh inkixfu. Imma s-sewwa. Is-sewwa beda jitħaddem għall-vantaġġ politiku.

L-istinkar, l-idealiżmu, it-tama, il-progress, ix-xjenza, l-arti, malajr jintemmu.

Il-viġili qrib il-lift quddiem l-appartament tiegħu. Aħjar milli jipprova jorqod bi ħwejġu fuqu fis-sodda. Hekk l-għeżież tiegħu ma jkunux jafu li ġie arrestat. Ir-ritwal ta’ fil-għaxijja: ibus lil bintu, wara lil martu li mhix rieqda. Jaqbad bagalja żgħira li fiha s-sigaretti, il-ħwejjeġ ta’ taħt, is-sapun għall-ħasil tas-snien. Qiesu sejjer għax-xogħol ta’ bil-lejl, bejn wieħed u ieħor hekk hu. Dawk li jieħdu bagalja magħhom aktarx jiġu lura, dawk imkaxkra minn soddhom bil-lejl aktarx ma kienux jiġu lura.

Jaħseb fuq l-imgħoddi, jibża’ mill-ġejjieni. Għalissa jista’ jpejjep. Il-bagalja li tistrieħ mal-pexxun tqawwilu qalbu kif ukoll il-qlub ta’ oħrajn. Ħaġa prattika qiesu li hu qed imexxi ħajtu u li mhux vittma.

Huwa d-destin tal-bniedem li fix-xjuħija jsir dak li fiż-żogħżija żeblaħ. Il-qerda tar-ruħ tal-bniedem għax il-ħajja mhux miexja minn naħa għall-oħra ta’ għalqa. Ma jistax jgħid is-sewwa u jibqa’ ħaj. Iridu demmu, demm martu, demm uliedu. L-artist hu gladjatur li jiġġieled quddiem folla għatxana għad-demm, kif għanna Byron. Quddiem bhejjem slavaġ demmu jtebba’ r-ramel.

Mhux biżżejjed li jkun beżżiegħ, aħjar li jkun eroj għax trid il-kuraġġ biss għal dqieqa ta’ żmien. Jiftaħ in- nar, l-ewwel fuq it-tirann u wara fuqu. It-tmiem. Imma biex ikun beżżiegħ irid jaqbad karriera li teħodlu ħajtu kollha. Kemm hi sabiħa l-ironija.

Il-kompożitur jiġi ndotrinat daqqa minn wieħed daqqa minn ieħor. Jintbagħat barra l-Unjoni Sovjetika biex iżomm għolja il-bandiera ta’ pajjiżu. Jaqra diskorsi li ħejjielu ħaddieħor u li hu ma jaqbilx ma’ dak li fihom.  Isir famuż, jgħid minn xiex għadda u jqerr dak li l-bnedmin l-oħra jaħbu. Fuqu l-ħarsa ta’ Anton Chekhov: “Meta jservu l-kafe, tippruvax issib birra ġewwa fih”

 

Ħajr lil Agenda Book Shop