Il-Bhima Moħbija

X’jiret il-bniedem minn ta’ qablu: saħħa, mard. Jista’ l-bniedem irażżan dak li jħoss? Jista’ jrażżan ir-rieda tiegħu? Jekk le, ser iwettaq dak li ma jridx. Il-qarrejja jiftakru r-rumanz ta’ Robert Louis Stevenson (1850-1894  Dr.Jekyll and Mr.Hyde. Studju bikri sar mill-kriminoloġista Cesare Lombroso (1835-1909) – l-Homme Criminel. Dan l-istudjuż qawwi fi żmienu llum hu mwarrab minn ħassieba. Inqara mill-kittieb kbir Franċiż Emile Zola (1840-1902) li kiteb ‘La Bete Humaine’ li ġie maqlub għall-Ingliż taħt it titlu ‘ The Beast Within’.

Jacques Lantier huwa sewwieq tal-ferrovijja ‘La Lison’. Hu lsir ta’ bhima li tinsab ġewwa fih “kien hemm żminijiet meta moħħu f’daqqa donnu kien dawwar ta’ taħt fuq il-bilanċ, meta kien iħoss bħallikieku kien hemm fetħiet u toqob, li minnhom l-identita tiegħu kienet titbiddel fi fwar u hu kien imdawwar bi ċpar qawwi li ma kienx iħallih jara l-affarijiet ċari. F’dawn il-ħinijiet ġismu kien jieħu ħajja waħdu; isir l-ilsir tal-bhima ġewwa fih. U madankollu ma kienx jixrob l-anqas qatra żgħira Brandy, għax kien jaf sewwa  li l-anqas qatra Brandy kienet iġġennu. Jaf żgur li kien qed iħallas il-kastig għax-xurbana kollha li marru qablu, missirijiet u nanniet, insul sħaħ, li d-demm itebbagħa tagħhom kien wiret. Kien semm li bil-mod il-mod kien jieklu minn ġewwa; jeħles mill-irbit ġibdiet slavaġ, bħal lupu mistoħbi ġewwa l-inħawi mwarrba tal-masġar jistenna li joqtol.”

Żewġ karattri oħra: Roubaud u martu Severine. Tal-ewwel jissuspetta li martu kellha relazzjoni ma wieħed mid-diretturi tal-kumpanija tal-ferroviji, Grandmorin li kien għenu biex isib ix-xogħol mal-kumpanija. Rouboud iġiegħel lil martu Severine toffri lixka lid-direttur li jaqa’ għaliha, jirkeb fuq il-ferrovija fejn jiġi maqtul. Is-sewwieq tal-ferrovija, Jacques Lantier jilmaħ mill-bogħod id-delitt qed isir. “Dehra ta’ malajr ta’ bniedem li qed iħanxar il-gerżuma ta’ ieħor”. Xi żmien wara jaċċerta ruħu li l-qattiel kien Roubaud u li martu għenitu biex jeħles mill-katavru. Il-kittieb donnu jagħti ħjiel lill-qarrej li Severine kienet bint Grandmorin.

Waqt l-istħarriġ, il-pulizija tibda tissuspetta li Roubaud u martu wettqu l-qtil għax skont it-testment ta’ Grandmorin kellhom jirtu dar. Tissuspetta wkoll f’ċertu Cabuche li jaħdem bil-karrettun qrib l-istazzjon tal-ferroviji. Tidħol fin-nofs il-politika mqallba ta’ dawk iż-żminijiet. Il-pulizija tibqa’ lura mill-ħidmiet tagħha, b’hekk il qattiel ma jinqabadx.

Il-marda ta’ Jacques hija serja. Jirnexxielu bi sforz kbir ma joqtolx lil kuġintu Flore. Isir iħobb lil Severine. Hu jsuq il-ferrovija li tieħu lill-maħbuba tiegħu minn Le Havre sa Pariġi u lura. Raubaud jibda jiġi jaqa’ u jqum minn martu meta jibda jagħtiha għax-xorb u għall-logħob tal-azzard. Mogħmi bl-imħabba, Jacques jaħseb li fieq mill-marda. Iħobb lill-ferrovija ġdida tiegħu qiesha kienet xi mara sabiħa imma hija bhima wkoll. “Il-linji tal ferroviji huma  kbar mid daqs, kolossu mifruxa mal-pajjiż kollu mmexxija minn Pariġi”. Il-bniedem isib, joħloq imma jista’ jsir ilsir ta’ dak li joħloq.