Il-Bejjiegħ ta’ Istanbul

‘A Strangeness in my Mind’ tal-kittieb Tork Ohran Pamuk rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Letteratura fl-2006. It-titlu hu meħud minn ‘The Prelude’ tal-poeta Ingliż William Wordsworth (1770-1850):  “Kelli ħsibijiet ta’ dwejjaq / xi ħaġa mhux tas-soltu f’moħħi / ħoss li ma kontx għall-dak is-siegħa, l-anqas għal dak il-post”. Kull taqsima tal-ktieb tibda b’silta mix-xogħolijiet ta’ awturi kbar: Lermontov, Stendhal, Joyce, Ibnzerhani, Byron. Ir-rumanz hu dwar “l-avventuri u l-ħolm ta’ Mevlut Karats, bejjiegħ tal-Boża (xarba bi kwantita żgħira ta’ alkoħol) u ħbiebu kif ukoll ritratt tal-ħajja f’Istanbul bejn 1969 u l-2012 minn ħafna fehmiet differenti.”

Mevlut twieled fl-1957 f’raħal ċkejken ġewwa t-Turkija u ta’ tnax-il sena ġie Istanbul. Fl-1978 waqt tieġ tal-familja jara t-tfal bniet ta’ Abdurrahman, Vediha, Rahiha, u Samiha. Jiġġennen wara l-iżgħar waħda Samiha. Jixtieq ixandar ma’ kulħadd l-imħabba tiegħu għal din it-tfajla mill-isbaħ li ltaqa’ magħha b’mod mirakuluż meta għajnejħa suwed ħarsu ġewwa l-għajnejn tiegħu.

Jibda bl-għajnuna ta’ ħbieb jiktbilha l-ittri wara l-qari ta’ kotba ta’ mħabba u gazzetti. Għadd kbir ta’ ittri. Bl-għajnuna ta’ kuġinuh Sulayman jaħrab mat-tfajla imma bla ma jaf din hi Rahiha u mhix oħtha iżgħar minnha Samiha. Iż-żwieġ jirnexxi. Wild ta’ żewġt ibniet. Fatima u Fevziye.

Ix-xogħol ta’ Mevlut hu l-bejgħ tal-Boża u tal-jogurt ġewwa Istanbul bil-lejl. Il-belt daqqa togħoġbu, daqqa jħossu maqtugħ minnha. Ġewwa l-belt ġielu jħossu waħdu minkejja l-folol kbar ta’ madwaru li jnessuh l-istramberiji ta’ rasu. Is-seħer ta’ din il-belt li dejjem tikber għax nies jitilqu mill-irħula , jmorru fiha biex isibu l-għajxien tagħhom.

“Mevlut ħass li d-dawl u d-dlam ġewwa moħħu dehru bħal pajsaġġ tal-belt bil-lejl. Jista’ jkun li kien għalhekk joħroġ fit-toroq biex ibigħ il-boża fil-għaxija minkejja li kien jaqla ftit minn hekk. U hekk Mevlut sar jifhem s-sewwa li biċċa minnu kienet taf minn dejjem: Jimxi madwar il-belt bil-lejl kien iħossu bħallikieku kien qed jiġġerra ġewwa moħħu. Kien għalhekk li kull meta kien ikellem lill-ħitan, ir-reklami, id-dellijiet u forom strambi u misterjużi li ma setgħax jara bil-lejl. Dejjem kien iħossu qiesu qed ikellem lilu nnifsu.”

B’biċċa njama fuq għonqu li minnha jiddendlu żewġ bixkilli idur it-toroq. Xi nies idendlulu qoffa minn darhom biex jimlijilhom, oħrajn jistednuh ġewwa, jsaqsuh fejn twieled, kemm ilu magħhom. “Il-bejjiegħa tat-tooq huma l-għasar għannejja tat-toroq, huma l-ħajja u r-ruħ ta’ Istanbul.” Imma fit-toroq hemm il-ħallelin u l-klieb.

In-nies taħtaf l-art, tħallas għal dokumenti foloz. Spekulaturi jagħmlu negozju tagħhom. Iwaqqgħu bini li milhux li telgħa ħa jibnu aktar sulari: “Ġungla selvaġġa ta’ torrijiet ta’ blokki ta’ appartamenti.” Il-familja Vural li kisbet is-setgħa tifrex subgħajha bħal qarnita. Xieraq il-bini ta’ Moskea. Id-dar ta’ Mevlut titwaqqa’. Id-demonju tal-bidla. “Ħass qalbu tinqasam. Ra iż-żogħżija tiegħu kollha, l-ikel li kiel, ix-xogħol tad-dar li kien jagħmel, ir-riħa ta’ oġġetti, il-ħoss ta’ missieru jongħos fir-raqda tiegħu, mijiet ta’ eluf ta’ tifkiriet imfarrka biċċiet b’daqqa waħda ta’ pala ta’ buldożer.” Korruzzjoni u korruzzjoni.

Nies imorru, nies jiġu. Kolpi ta’ stat. Partit ta’ Musulmani u ta’ Komunisti, tal-aħħar maqsuma fi tnejn, dawk favur l-Unjoni Sovjetika, dawk favur iċ-Ċina. L-Ilpup Griżi. Twaħħil ta’ posters. Jiġi t-telefonu, wara r-radju u wara t-televixin. Mevlut ftit tgħallem mill-Iskeletru, Kerim l-Agħmi, is-sInjorina Nazli u oħrajn. Għamel il-lieva ma tantx bata.

Taħt il-ħarsa ta’ Kismet u Ataturk tbaqbaq il-ħajja li ġieli tnin u tmut. Jibqa l-eku qatt minsi fakkar ta’ tifkiriet u ta’ nies żgħar u kbar li għexu ħajjithom, kemm fil-għana kemm fil-faqar.

 

Ħajr lil Agenda Book Shop