Għaliex L-Alternattiva u Din l-Art Ħelwa ma humiex Politikament Kredibbli?

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2017/03/09/ghaliex-l-alternattiva-u-din-l-art-helwa-ma-humiex-politikament-kredibbli/

F’dan il-pajjiż kulħadd b’xortih. Biex tilħaq trid mhux biss tkun fil-politika, iżda wkoll trid tkun f’xi klikka. Jekk inti m’intix f’xi klikka, int ma għandekx cans timxi ’l quddiem. Kulħadd jgħid li dan mhux sew. Kull partit jgħid li għandu jkun hemm il-meritokrazija. Imbagħad jipprattika l-bażużlizmu

Kull Gvern ġie assoċjat mal-bażużli. Il-Gvern ta’ Mintoff kien akkużat bil-bażużlizmu. Dak Nazzjonalista spiċċa jaqa’ taħt l-istess akkużi. Taħt il-perjodu Nazzjonalista ma baqgħux jissejħu bażużli iżda bdew jissejħu klikek.

Illum għandna Gvern li tela’ fuq l-għajta tal-meritokrazija. Iżda l-bażużlizmu jinħass aktar minn qatt qabel. Taħt Joseph Muscat, il-klikek inbiddlu f’moviment.  Il-kunċett baqa’ l-istess. Anzi, illum li tkun fi klikka hu mitqies bħala xi ħaġa tajba. Matul il-Gvern ta’ Fenech Adami, kibret klikka marbuta mal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi. Biex politiku jqiesek tajjeb u intelliġenti, ridt bilfors tkun minn ġo din l-iskola tal-Ġiżwiti. Kellhom anki il-clubs fejn jiltaqgħu biex ma jitħalltux mat-tfal tal-poplu. Jekk inti ma kontx parti minn din il-klikka, inti għar-rimi. Tista’ tkun kemm tkun onest, għaliex int tibqa’ mhux tajjeb. F’istess waqt, dawn it-tfal tal-klikka kienu kontinwament jippriedkaw l-onesta’ u t-transparenza.

Din il-politika ta’ ipokrezija kibret fi ħdan il-Ġiżwiti f’Malta u spiċċat il-kawża, fl-idea umli tiegħi, li ġabet lil dan l-Ordni fi kriżi kbira. Jekk kien hemm politiku li pprova jagħmel xi ħaġa kontriha, kien Lawrence Gonzi, li ma kienx prodott Ġizwetiku, iżda din il-klikka kissritu.

Muscat kien intelligenti li ma ħadhix kontra din il-klikka. Anzi ra kif għamel biex ikun parti minnha. Ma naħsibx li dan hu kumbinazzjoni meta wieħed jiftakar, li finalment, Keith Schembri u Joseph Muscat huma prodott ta’ dan il-kulleġġ.

Biss minn dak li qed jiġri bħalissa, wieħed jieħu l-impressjoni li dawn il-klikek huma b’saħħithom u jaħsbu li għandhom il-poter li jfarrku l-onesti. Naħseb li dak li ġara dan l-aħħar, u kif ċertu għaqdiet u partiti, bħal ma hu il-Partit tal-Alternattiva u Din l-Art Ħelwa rreaġixxu riċentament jispjega dan il-kunċett aħjar.

Jekk wieħed jiftakar tajjeb, ftit ilu, l-Alternattiva Demokratika ħarġet titlob ir-reżenja tal-Perit Toni Bezzina mill-Parlament minħabba l-applikazzjoni li hu għamel f’isem martu mal-Awtorita’ tal-Ippjanar fuq biċċa art li huma għandhom fil-limiti tar-Rabat biex din l-art tkun żviluppa f’villa lussuża għalihom. Mhux ser nidħol f’argument jekk għamilx sew jew le. Dak li hu żgur hu li huwa uża l-parametri li kkrea dan il-Gvern għall-iżvilupp f’artijiet ODZ, liema parametri ġew magħmula mill-perit u l-avukat Robert Musumeci.

Issa ħareġ fil-Malta Today, li l-perit Robert Musumeci hu l-aktar perit li ħarġulu permessi f’żoni ODZ. Sa fejn naf jien, l-Alternattiva Demokratika għada ma talbitx ir-reżenja ta’ Robert Musumeci minn konsulent tas-Segretarja Parlamentari Deborah Schembri, li skont Dr. Simon Busuttil, għandha wiċċ ta’ Nazzjonalista. Mhux qed ngħid dan biex niskongura lil Bezzina. Biss żgur Bezzina hu politiku beżżul u mhux parti minn xi klikka.

U jekk hemm prova ta’ kemm hu beżżul, din toħroġ minn dak li għaddejna minnu f’dawn il-jiem. Issa faqqa’ l-każ tal-Viċi-kap Nazzjonalista, Dr. Mario Demarco u l-involviment tiegħu u tal-kumpanija tal-Avukati li hu partner tagħha, f’kuntratt kontroversjali li jinvolvi t-teħid tal-art li fuqha hemm l-ITS minn DB Group. Waqt li għall-perit Toni Bezzina, l-Alternattiva u l-Partit Laburista ħarġu jgħajtu għar-reżenja mill-Parlament, ma għamlux l-istess għal Dr Mario Demarco. Anzi f’dan il-każ, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista ħareġ jakkuża lil Simon Busuttil li ma ddefendix lil Demarco biżżejjed, kif suppost kien obbligat li jagħmel.

Dan ifisser li llum għandna politiċi ta’ l-ewwel u tat-tieni grad, jekk ma hemmx anki aktar gradi. Għandna politiċi li jekk inti mill-klikka ta’ San Alwiġi, ħawwad kemm tiflaħ u jekk hemm bżonn niddefenduk.

Illum nafu li dan il-kuntratt bejn DB u l-Gvern hu wieħed skandaluż. Biss issa anki fil-politika, hemm liġi għall-allat u liġi għall-ħnieżer. Verament f’dan il-pajjiż kulħadd b’xortih.

Nixtieq infakkar li meta l-perit Toni Bezzina tefa’ l-applikazzjoni tiegħu, anki Din l-Art Ħelwa ħarġet ukoll kontra tiegħu. Illum nistaqsi fejn hija Din l-Art Ħelwa quddiem dan il-kuntratt skandaluż li jinvolvi lil Mario Demarco? X’pożizzjoni għandha Din l-Art Ħelwa fil-konfront ta’ Mario Demarco? Jien kont nistenna li Din l-Art Ħelwa tkun kostanti fil-kritika tagħha. Kont nistenna Din l-Art Ħelwa tkun onesta maghha innifisha u kif għamlet fil-konfront ta’ Toni Bezzina tagħmel fil-konfront ta’ Mario Demarco.  Waqt li Din l-Art Ħelwa sabet ħin biex issawwat lil Toni Bezzina, u sewwa għamlet, sa issa, ma sabet l-ebda ħin biex issawwat lil Mario Demarco. Politika ċara ta’ two ways and two measures minn istituzzjoni bħal din iġib magħha tħassib serju u turi nuqqas ta’ kredibilita’.

Biss dawn il-ġrajjiet jikkonfermaw ħaġa waħda. Għal dawk li huma tal-ġenerazzjoni tiegħi, jekk inti m’intx prodott ta’ xi klikka, int ma għandekx ċans timxi ’l quddiem. Il-klikek ta’ żmieni ġew iffurmati f’San Alwiġi. Illum dan il-pajjiż qed ibati mill-immoralita’ li ġiet maħluqa f’dan il-kulleġġ!!