Alma u Ichimei

Kull wieħed minna għandu l-ġrajja tiegħu. X’għamel ma’ ħaddieħor, għaliex ġab ruħu hekk, tajjeb jew ħażin. It-tifkiriet jistgħu iserrħuh. Hemm ġewwa fih is-sigrieti li qatt ma perreċ fil-miftuħ. X’difen u għaliex difen u ħeba. Kif iħares lejn il-ħajja u meta l-għomor jgħaġġel jista’ jgħid ġrajjietu waqt li qiegħed qudiem ir-ritratti li ġabar jew waqt li jifli ittri li waslu għandu. Tfittxija fiż-żmien.

U hekk Alma Belasco maħluqa minn Isabel Allende fir-rumanz ‘ The Japanese Lover’,  tinsab ġewwa dar tax-xjuħ tgħarbel lilha nnifisha. Il-ġenituri tagħha bagħtuha mill-Polonja ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka għand qrabathom hekk kif kienet ser tfaqqa’ it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-kontinent imsejjaħ il-ġdid, f’dak iż-żminijiet laqa’ ħafna nies mill-Ewropa, għamilhom tiegħu, tahom ġejjieni minkejja li ma kienux WASTP (white anglo-saxon protestants). Ħolqu soċjeta multi etnika ħielsa, li bagħtet lil uliedha jiġġieldu kontra n-Nazizmu-Faxxiżmu fl-Ewropa.

Alma għadha b’ saħħitha imma ż-żmien għaddej. Tistħajjel li qed timla l-kaxex ta’ ħafna lwien, waħda għal kulll sena ta’ ħajjitha fejn tqiegħed it-tifkiriet li għaddiet minnhom, b’nostalgija u b’xi ftit dieqa. Darba kienet tifla, żagħżugħa, ħabbet bi kbir raġel ta’ nisel Ġappuniż li qatt ma żżewġet, Ichimei. Taħfer lilha nnifisha għall-iżbalji li wettqet ħlief dawk fejn weġġgħet lil ħaddieħor. Ittri li bagħtet lil Ichimei Fukuda li dawwlilha u  mlielha ħajjitha kollha kemm hi.  L-ittri f’idejn Seth li tiġi nantu u Irina Basili, tfajla ta’ tlieta u għoxrin sena li tieħu ħsiebha kif tiehu ħsieb ġewwa ‘lark House’ irġiel u nisa fl-għabex tal-ħajja, nies li xi ħadd iqis żejda fil-ħajja.

Iż-żmien ibiddel il-ħajja, il fehmiet. Alma ddur madwarha fil-kurituri u fil-kantunieri ta’ fejn tinsab. Ta’ sittin ħasbet li l-mewt hi ħaġa astratta. Ta’ sebgħin ratha bħala qariba mbegħda, li ma ssemmix fi kliemha. Ta’ tmenin issir tafha, titkellem dwarha għax tara is-sinjali tagħha fil-ħolqien u waqt li tħabbat fuq il-bieb tal-imgħoddi.

“U Irina li inxteħtet ġewwa l-ħajja ta’ Alma bħallikieku kienet f’rumanz Vittorjan. Is-sinjura aristokratika u l-mara li żżommilha kumpannija maqbuda b’nassa ta’ dieqa ta’ kikkri tat-te bla għadd ġewwa dar fil-kampanja. Alma kienet tal-fehma li aħna wkoll, kellna ġewwa fina ġnien privat fejn stajna nsibu kenn , imma Irina ma xtaqitx tittawwal ġewwa ħajjitha, tagħżel li flokha tidħol f’dik ta’ Alma li kienet togħġobha iktar minn tagħha.”

Irina mill-Moldavja hi frott ta’ tkasbir ta’ommha minn barrani. Wara ommha tiżżewweġ, Irina ssir vittma ta’ dan ir-raġel.

Alma żżewġet lil kuġinuha Nataniel, avukat mill-aqwa. Il-jum tat-tieġ beda sabiħ imma tbiddel f’wieħed kiesaħ u msaħħab b’maltempati mhux mistennija, rifless ta’ dak li qed iħossu l-għarajjes. Nataniel għex ħajja bla wens, xtaq l-imħabba “li qatt ma kien ser ikun jaf, il-karti (tal-logħob) immarkati li kienu tqassmu lilu, b’ingann minn taħt, li d-destin kien lagħab bih.” Martu ħarset lejh mhux bħala żewġha imma bħala ħabib.

Minn Ichimei kellha tifel li miet hekk kif twieled. Tifel ieħor minn Nataniel li wara għamilha nanna. It-tbatija tal-popolazzjoni Ġappuniża ġewwa l-Amerka hekk kif seħħ l-attakk kontra Pearl Harbour (7 ta’ Diċembru 1941). Il-familja Fukuda kienet tat-tajjeb, ħbieb ma’ dik Belasco. Innegozjaw flimkien. Imma l-missier tal-familja Ġappuniża li dejjem xtaq iċ-ċittadinanza Amerikan, ġie internat ma’ familtu, ħass fit tbatija li “l-ħajja mingħajr ġieħ ftit kienet tiswa.”

Ġrajjiet ta’ mħabbiet kbar fl-isfond tat-Tieni Gwerra Dinjija fuq kull front. B’sengħa Allende tgħaqqad fl-imkien il-ħajjiet tal-karattri li ħolqot. Jiltaqgħu flimkien kollha mġarrba imma fl-għaqda jagħtu tifsira.

Il-qarrej jitbissem meta pilota jżur il-qabar tiegħu b’ismu fuqu.

 

Ħajr lil Agenda Book Shop