X’Ġarrbu Dawk li Nissluna

“Matul il-lejl tas-Sibt 16 ta’ 1750, ħallelin daħlu fil-maħżen ta’ kuntrattur ta’ kalkara tal-ġir, qrib il-marina tal-Belt Valletta. Billi ma sabux flus kif stennew, il-ħallelin ħadu li dak li setgħu jġorru u jisirqu, jiġifieri, serduk u tiġieġa.” Kważi ċajta, imma fit-23 ta’ Jannar 1663 kienet seħħet “serqa tat-twerwir u sagrileġa” fil-knisja parrokkjali ta’ raħal fejn insterqu, fost ħwejjeġ oħra ostji ikkonsagrati mill-artal maġġur ta’ knisja. Il-Gramastru wiegħed tlett mitt skud lil min jgħin fil-każ. Il-ħati jew ħatja ġew skumnikati waqt li l-knejjes kollha għamlu l-luttu. Il-kalċi nstab ġewwa konfessjonarju fil-knisja ta’ San Ġakbu, il-Belt Valletta. La l-ostji u l-anqas il-ħallelin ma nstabu. Dan id-delitt u l-gwerra fil-qrib bejn is-slaten insara fl-Ewropa wasslu biex il-Grammastru jħassar ix-xalar tal-karnival.

Żewġ każi minn madwar sitt mija fl-ibliet (l-akbar għadd) u fl-irħula miġjuba mill-istoriku William Żammit f’għaxar snin ta’ ħidma, fi studju tiegħu ‘Kissing the Gallows: a cultural history of crime, torture and punishment in Malta 1600-1798’. L-għejjun huma bosta: dokumenti tal-Inkwiżizzjoni, ta’ ħafna qrati Maltin u Għawdxin, tal-Istat u tal-Knisja, rakkonti tal-barranin li żaru Malta, nies li ħażżu djarji fosthom dawk ta’ Dun Ignatio Saverju Mifsud f’żewġ volumi u wieħed aktarx ta’ Fra Giuseppe Agius ħu l-Għawdxi Agius de Soldanis.

L-istudju juri gżejjer vjolenti fejn il-parti l-kbira tan-nies ma kinitx ħielsa: ilsiera, konvertiti jew le, ħabsin fuq ix-xwieni u bonavolja. Barra hekk il-poplu kien jgħix f’dinja mhux tiegħu, dinja maħtura mill-Grammastru (magħruf bħala ‘s-Sultan’ fost il-Maltin) u kavallieri kollha barranin –  in-nobbli Maltin ma setgħux isiru kavallieri – li jagħmlu li jridu, li jiddisprezzaw lill-Maltin u l-kultura tagħhom.

Skont l-Inkwiżitur Pallavicino ( 1676) Malta kienet dinja żgħira għaliha, mgħammra b’popli ta’ nazzjonalitajiet differenti, nobbli u plebejn, gżira li minnha wieħed seta’ malajr jaħrab lejn il-Lvant. L-ordni ta’ San Ġwann ħoloq nobbilta ġdida li warrbet il-qadima li aktarx telqet minn Malta. L-universita tneħħewlha is-setgħat tagħha. L-Inkwiżitur kien ukoll ‘in-nunzju’ tal-Papa, ħafna drabi miġġieled mal-Grammastru għas-setgħa. Xi knejjes kienu joffru kenn mill-qawwiet tal-Ordni. L-istess xwieni barranin.

Il-kastigi għal delitti meqjusa bħala offiża lill-komunita’ u mhux ħaġa privata, għal min jikser il-liġi kienu kbar: Il-piena tal-mewt, xogħol fuq ix-xwieni, l-eżilju ġewwa Malta u Għawdex f’xi qasam mitluq jew f’barra minn Malta. It-tortura bil-‘corda’ u l- ‘cavellotto’ kienet titħaddem meta ma kienux jinstabu tnejn minn nies li raw id-delitt iseħħ jew il-ħati ma kienx jammetti. Nisa u rġiel trattati l-istess, nisa tqal jitneħħew fuq il-forka wara t-twelid tat-tarbija. It-tortura xi drabi kienet parti mill-kastig imħaddma sakemm l-ikkundannat jasal minn fejn kien miżmum sal-forka fejn hu jibqa’ mdendel ħa jwerwer lill-poplu. Id-dfin kien isir il-Furjana, dfin fil-baħar jew f’art mhix ikkonsagrata. Min titbiddillu s-sentenza hu u sejjer lejn il-forka kien ibus il-forka meta jasal fejnha. Hekk l-isem tal-ktieb.

Sas-sena 1878 it-tneħħijja kienet issir fil-publiku b’ċertu ritwal. Tinġabar il-folla ħa tara. Minn naħa l-oħra l-istat kien juri s-saħħa tiegħu, saħħa li twerwer “per terrore del popolo”. Spiritwalment il-biża’ tad-dnub u tal-infern għal dejjem. It-tkissir tal-ġisem korrot fid-dinja fejn iż-żmien jgħaddi malajr u l-fidwa tar-ruħ għal dejjem.  Il-poplu spettatur u attur.

Jissemma l-Imħallef Cumbo li għex ħafna. Imġiebtu bħall-Ingliż George Jeffreys (1644-1689). Ta’ l-ewwel bagħat ħafna nies fuq il-forka, jew jaqdfu fuq ix-xwieni. Il-poplu kien jiżbel fil-funerali ta’ Maltin , qaddejja tal-Ordni li jiktbu l-bandi u jaraw kif iħaddmuhom ħa jrażżnu l-poplu.

Studju storiku soċjali li juri Malta l-bogħod mill-festi ta’ meta l-Grammastru kien imur f’raħal biex jgħollih għall-belt.

Żammit daħal f’qasam ġdid, fittex bir-reqqa ħa jsib tassew x’kienet Malta matul iż-żmien fuq imsemmi. Il-poplu mjasssar, fqir u batut. Mixja lejn il-ħelsien, mixja li seħħet.