Żewġ Imperi: Gwerer Qaddisa

“Empire and Holy War in the Mediterranean” studju ta’ Philip Williams dwar l-istrateġiji u l-gwerer qaddisa miġġielda fil-Baħar Nofsani matul is-seklu sittax u l-bidu tas-seklu sbatax bejn l-Imperu Spanjol u l-Imperu Ottoman.

Id-daħla tal-ktieb imsejħa ‘The Mediterranean World in the Age of Captain Francisco de Holanda’ ma tistax ma tfakkarx lill-qarrej fix-xogħol ta’ Fernand Braudel ‘The Mediterranean and the  Mediterranean World in the Age of Philip II’ l-aqwa studju fuq il-Mediterran li qatt sar. Holanda kien kursar li serva lis-sultan Filippu ta’ Spanja (1556-1598) għal madwar ħamsa u għoxrin sena fost ħafna avventuri. Kuntrattur li kera xwieni lis-sultan Filippu t-Tieni, ħa sehem fil-Battalja ta’ Lepanto (7 ta’ Ottubru 1571) u x-xini tiegħu kien fil-flotta li fis-sajf tal-1588 ħabtet għall-Ingilterra. Ix-xini tiegħu ‘Juliana’ tfarrak fuq il-kosta Irlandiża. Il-flotta Ingliża taħt L-Ammiral Thomas Howard għelbet lil dik ta’ Spanja taħt id-Duka ta’ Media Sidonia.  Hekk infetħet it-triq għall-Atlantiku u l-ħidma fil-Mediterran naqset bil-kbir.

Il-ġlied u l-piraterija kienu għax-xhur tas-sajf. Skont l-istoriku Fernand Braudel il-Mediterran hu twil disgħa u disgħin jum ‘ imma seta’ kien iqsar ukoll.’ Il-Baħar Nofsani hu baħar maħkum minn ħafna rjieħ imma fis-sajf l-irjieħ jonfħu mill-majjistral għall-grigal matul it-tul u l-wisa’ tal-baħar.  F’dan il-baħar setgħu jiġru ħafna affarijiet għax l-aħjar pjan seta’ jġib l-akbar diżastru.

Filippu t-Tieni ta’ Spanja, mexxej prudenti ma kienx jara l-Mediterran bħala qasam sħiħ, hekk ma kellux strateġija. L-imperu, barra l-Mediterran ried iħares il-fewdi fl-art li żmien wara bdiet tissejjaħ ‘Italja’. Franza u Venezja kienu fuq in-naħa tat-Torok. Fuq Spanja għal ħafna snin kien hemm il-biża’ li mori li saru nsara kienu qed jagħġnu komplotti biex jgħinu lill-flotta Torka f’kas ta’ nvażjoni. F’Settembru 1609 id-duka ta’ Leiva, bniedem qrib Filippi t-Tielet ‘fil-ħemda’ hekk‘ kif kienet dieħla x-xitwa’ keċċa lill-‘insara ġodda’ min Valenzja u Aragona.

It-tmexxija tal-Islam kienet tgħaqqad ġemgħa magħquda ta’ dawk marbuta li jħarsu s-sliem , il-paċi l-aħwija. Il-Kalif kien ir-rappreżentant ta’ Allah kif ukoll is-suċċessur tal-profeta ta’ Allah. Dmiru jħares it-tradizzjonijiet politiċi u legali ġejjin minn Allah, imħollija f’idejn Muħammed. Jgħasses Mekka, Medina u l-Ħaġ.  L-insara emmnu fl-interċessjoni tal-Mulej li jgħin lil dawk li jgħinu lilhom infushom, it-tbatija fid-dinja, it-tgawdija fil-ġenna. Skont Williams il-mexxejja fuq iż-żewġ naħat kienu nies ta’ kelmthom.

Fil-gwerra qaddisa il-Papa kellu sehem kbir bħala r-ragħaj tal-Kattoliċiżmu. Qawwi biżżejjed biex jinseġ għaqdiet bejn is-slaten kattoliċi u jagħti l-barka tiegħu. Spanja qatt ma riedet li konklav jagħżel bħal Papa Franċiż. Il-Papa kellu l-flotta tiegħu żgħira imma kien joħroġ il-flus.

Matul iż-żminijiet li Williams qed jikteb dwarhom it-Torok kellhom flotot kbar, imma mħux imħarrġa biżżejjed. L-insara iġġieldu bi flotot iżgħar fil-għadd minn dawk Ottomani, imma mħarrġa sewwa. Ħafna kien jiddependi fuq iċ-ċorma (chusma) tal-qaddiefa magħmula minn ilsiera, ħabsin jew banavolja. Idjoma tas-seklu sittax : ‘jekk hemm infern fid-dinja, dan qiegħed fix-xwieni fejn ma hemmx mistrieħ.’ Dan fi żmien l-umaniżu! Il-qaddiefa kellhom jaħdmu f’daqqa, min imut, imma min jidra ix-xogħol u jegħleb il-mard qerriedi seta’ jikseb il-ħelsien u jitħallas tajjeb.

Ħafna biċċiet tal-baħar: xwieni, galeotti, fregata, felucca fusta, capitana, patrona. L-aqwa saħħa kienu x-xwieni li bħal pjattaforma jinżlu s-suldati minnhom fl-art għall-battalja. Importanti wkoll il-bastimenti tal-gwerra li bil-permess tas-slaten kienu jaħbtu għal bastimenti oħra, parti mill-kultura qadima tal-baħħara. Il-qliegħ kien kbir, il-kompetizzjoni kbira.

Malta hija msemmija l-aktar għall-‘assedju feroċi tal-bastjuni’ u għall-kursari fejn skont Braudel “il-bnedmin marru għall-kaċċa ta’ xulxin, bagħtu lill-għedewwa tagħhom ġewwa l-ħabs, biegħhom jew ittorturawhom, u saru jafu it-tbatijiet, it-twerwir u t-tleqqija tal-qdusija tad-dinja tal-kampijiet ta’ konċentrament”.

 

Ħajr lil Agenda Book Shop