It-Traffiku u Dock No. 7: Hemm Skandlu Moħbi?

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2016/11/11/traffiku-u-dock-no-7-hemm-skandlu-mohbi/

Il-Maltawinds kienet tat ħarsa mhux ħażin lejn dak li kien għaddej f’Dock No.7. Dan id-dock kien spiċċa fl-attenzjoni Nazzjonali għal tliet raġunijiet prinċipali.

L-ewwel raġuni kienet dik li wara l-għeluq tal-Malta Ship Building l-art kollha tiegħu għaddiet għand il-Gvern. Il-Gvern tal-Lejber ħareġ bi pjan tajjeb, dak li jiftaħ din il-parti tal-Marsa għat-traffiku. B’hekk it-traffiku beda jgħaddi minn dan id-dock. Kienet idea tajba għaliex verament naqas it-traffiku fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, speċjalment għal dawk li kienu qed joħorġu mill-Kottonera, Ħaż-Żabbar u l-Fgura.

Ġara li xi ħadd tefa’ għajnejh fuq dan id-dock. Riedu biex fih jibda jsewwi r-riggijiet taż-żejt. Fi kliem ieħor kien hemm min kellu interess jibdel din l-arja kollha f’dak li beda jissejjaħ bħala “a maritime service centre” u “Mediterranean Maritime Hub”.

Dawk interessati qalu lill-Gvern li dan il-proġett kien ser iħaddem ‘il fuq minn mija u ħamsin ruħ. F’daqqa waħda, intesiet l-azzjoni pożittiva li l-ftuħ ta’ dan id-dock kien ġab għat-traffiku n-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Ħadd ma qal lil dawk interessati jistennew ftit sakemm tinbena l-fly-over tal-Marsa.

Ġenn sħiħ u pressjonijiet kbar biex dan id-dock jingħata lill-Privat. U hekk sar. B’hekk fil-bidu ta’ Lulju ta’ din is-sena, Transport Malta ħarġet avviż fejn ħabbret li mill-Ġimgħa, 7 ta’ Lulju 2016, id-Dock 7 kien ser jingħalaq għat-traffiku u s-sewwieqa ġew mitluba biex isibu rotot alternattivi.  F’dan l-istess xahar twaqqfet kumpanija li bdiet tissejjaħ Mediterranean Maritime Hub Finance p.l.c. biex tiffinanzja dan il-progett u f’Settembru ta’ din is-sena, din il-kumpanija ħarġet  bonds ta’ €15 milljun  bir-rata ta’ 4.8% li huma “unsecured”.

Min-naħa l-oħra, dan il-ftehim inżamm sigriet. Ħadd ma jaf kemm din il-kumpanija jew oriġinarjament dik li kienet warajha, Ablecare Ltd, kienet ser tħallas lill-Gvern bħala kera ta’ din l-art kollha fis-sena. Dan id-dettal qatt ma ħareġ fil-media. Dak li ħareġ hu l-fatt li deputati min-naħa tal-Gvern  qed jaħdmu u jgħinu lil din il-kumpanija. Wieħed ma jeskludix, kif ċertu artikli ta’ Reuben Buttigieg fil-Maltawinds, indikaw, li hemm membri ta’ l-Oppożizzjoni wkoll. Il-Maltawinds kixfet li din il-kumpanija m’għandhiex kapital biżżejjed biex tagħmel investiment ta’ 50 miljun li kien qed tgħid li ser tagħmel.

Sadanittant, għaliex din il-kumpanija ingħatat l-arja tad-Dock 7, it-traffiku ma tħallix jgħaddi aktar minn Dock 7 bir-riżultat li beda jerġa’ jżid u sploda f’Settembru meta reġgħu infetħu l-iskejjel, speċjalment dawk privati. Reġa’ beda jkun hemm serbut ta’ karozzi li kienu qed joħonqu t-toroq tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta u vjaġġ għall-Belt ta’ kwarta, issa beda jieħu siegħa jekk mhux sagħtejn.

F’daqqa waħda l-Gvern irrealiżża li meta d-Dock 7 kien għadu tiegħu seta’ jgħaddi l-karozzi minnu. Issa dan ma setgħax jagħmlu  għax dan sar propjeta’ ta’ Ablecare Ltd jew ta’ xi kumpanija oħra maħluqa minn Ablecare Ltd bħal ma hija Mediterranean Maritime Hub Finance p.l.c. Bħala kumpanija privata, din għandha kull dritt li ma tagħtix aċċess lill-Gvern biex minn Dock 7 jgħaddu l-karozzi. Infatti domna ftit ġimgħat sakemm id-Dock 7 reġa’ infetaħ għall-pubbliku. X’ġara sadanittant?

Meta l-Gvern reġa’ fetaħ l-aċċess ta’ Dock 7 għall-karozzi ma qagħad jgħidilna xejn dwar it-trattattivi u d-diskussjonijiet li saru mas-sidien il-ġodda li lilhom ġiet mikrija din l-art tal-Gvern biex iħallu jgħaddu l-karozzi minnDock 7.

F’sitwazzjoni normali, biex Gvern jerġa’ jibda jgħaddi l-karozzi, jrid l-ewwel jitlob permess lis-sid biex iħallih jagħmel dan.  Il-Gvern għadu s-sid, iżda ma għadx għandu dritt għall-użu ta’ din l-art peress li krieha lill-Privat. Il-kuntratt tal-kirja żgur ma kienx jinkludi d-dritt li Gvern jibqa’ jużaha għat-traffiku għaliex il-Gvern ma setax jiftaħ Dock 7 mill-ewwel u kellhom jgħaddu ftit tal-jiem mhux ħażin biex seta’ jagħmel dan. Kieku dan id-dritt kien inkluż fil-kuntratt kien jiftaħ dan id-Dock mill-ewwel.

B’hekk ried imur lura għand il-privat li krielu l-art u jitolbu jekk jistax jgħaddi il-karozzi minn fuq din l-istess art. Il-privat għandu dritt jgħid le lill-Gvern. Imma qal iva. Ma naħsibx li qal iva għalxejn. Normalment l-iva tkun akkumpanjata bi ftehim u dan il-ftehim ikun jitlob lill-Gvern biex iħallas talli ser jagħmel użu minn parti minn din l-art f’Dock 7 u jagħmilha aċċessibli għall-pubbliku. Jekk dan hu minnu, il-Gvern jispiċċa f’pożiżżjoni li kellu jerġa’ jibda jikri art li sa ftit tax-xhur ilu kienet tiegħu u ma kien qed iħallas xejn għalija.

Il-mistoqsija naturali li tiġik hija, jekk illum il-Gvern hux qed iħallas biex jkun jista’ jgħaddi t-traffiku minn Dock 7. Jekk qed iħallas, kemm hija l-kirja? Jekk le, allura   l-kerrejja ta’ dan id-dock qed jagħtu aċċess b’ sens ċiviku qawwi?

Jekk il-Gvern qed iħallas għalih, allura hawn għandna każ ta’ kumpanija u l-persuni li hemm warajha, li qed jagħmlu flus kbar minn art li suppost qed tħalli dħul għall-Gvern. Fi kliem ieħor, inkrit biċċa art mingħand il-Gvern li l-kera fuqha għadu mistur. Wara tliet xhur, l-istess Gvern jerġa’ jkollu bżonnha u jieħu biċċa minnha. Għalhekk hu importanti li jkun stabbilit jekk il-Gvern hux qed iħallas jew le talli juża Dock 7 għat-traffiku.

Jekk iva, hu interessanti li wieħed ikun jaf kemm il-Gvern kera din l-art. B’hekk wieħed ikun jaf jekk il-kumpanija u s-sidien li ħadu Dock 7 spiċċawx ħadu din l-art b’xejn jew addiritura spiċċaw jaqilgħu l-flus minn din il-kirja.

Napprezza jekk ikun hemm xi deputat mill-parlament li jagħmel mistoqsija lill-Ministru Joe Mizzi, u jistaqsih jekk Transport Malta jew xi entita oħra qiegħedx tħallas kera talli t-traffiku qed juża Dock 7.

Għaliex waqt li hu vera li meta infetaħ mill-ġdid dan id-Dock 7 reġa’ naqas it-traffiku, hu vera wkoll fid-dinja tan-negozju li meta l-Gvern jagħmel użu minn art li tkun għand il-privat, iħallas għalija.

Dan kollu juri nuqqas ta’ pjanar serju min-naħa tal-Gvern. Dan hu ġa skandaluż. Wieħed jistaqsi jekk dan in-nuqqas ta’ pjanar kienx ġej minn injoranza ta’ min qed jagħmlu jew inkella minn makakkerija biex tkun ikkreata konġestjoni ta’ traffiku ħalli xi ħadd jagħmel kemxa flus minn fuq dan kollu.