Il-Kuxjenza

X’inhu tajjeb , x’inhu ħażin, kull bniedem għandu t-tifsira ta’ x’inhi l-kuxjenza. Jagħmel dmiru ma jurix wiċċ b’ieħor. Dak li jemmen fih iwettqu, jiġri x’jiġri. Iħares il-ħsieb ta’ ħaddieħor, jaqbel u ma jaqbilx miegħu.  Xi ħaġa hekk qal Voltaire. Ġewwa fih is-sliem, ukoll is-sliem ta’ ħaddieħor.  Fejn tidħol il-kuxjenza ma jittieħed l-ebda vot, il-vot li jibni maġġoranza u minoranza.

Hekk isostni l-Avukat Atticus Finch waqt li qed ifiehem lil ibnu Jeremy magħruf bħala Jem għaliex ser jiddefendi lil Tom Robinson, bniedem ta’ ġilda sewda, mixli li ta xeba’ u kasbar lil tfajla ta’ ġilda bajda, bint Bob Ewell, sakranazz li ma jridx jaħdem. Jem għandu oħtu Jean Louise magħrufa bħala Scout, erba’ snin iżgħar minnu , imqarba li tiżżemmel, li tħobb tilgħab mas-subien.

L-omm mietet meta t-tfal kienu żgħar, hekk ma jħossux in-nuqqas tagħha. B’għajnuna ta’ qraba, is-seftura ta’ ġilda sewda Calpurnia u ġirien il-missier rabba sewwa lil uliedu, jafhom bit-tajjeb, u bin-nuqqas ta’ tajjeb bħal tfal oħra. Fis-sajf jiġi l-ħabib tat-tfal Charles Baker Harris magħruf bħal Dill. Dawn huma l-karattri ewlenin maħluqa mill-kittieba Harper Lee li għadha kemm ġiet nieqsa ( 1926-2016) fir-rumanz ‘To Kill a Mockingbird’  li rebbaħha il-premju Pulitzer (1961). Il-ġrajja tirrakkuntaha it-tifla Scout li qegħda tikber.

It-titlu tal-ktieb: Atticus ifisser lil ibnu Jem li  “aħjar tispara fuq il-laned fil-bitħa ta’ wara, naf li wara ħa tibda tispara fuq l-għasafar, spara fuq għasafar imma qatt fuq il-merill għax jagħmel il-mużika biex in-nies tifraħ, ma jagħmel il-ħsara lil ħadd u jekk tagħmillu l-ħsara tkun qed tidneb.”

Hekk mal-kuxjenza tingħaqad it-twiddiba li ma għandek tagħmel ħsara lil ħadd.

Barra l-ħidma ta’ avukat Atticus jieħu wkoll sehem fil-politika.  Għalkemm dejjem iġġieled għall-jeddijiet tal-bniedem, il-poplu razzista u konservattiv ta’ Maycomb f’ Alabama fl-Istati Uniti tal-Amerka , jivvutalu waqt li ħadd ma jikkontestah. Illum ngħidu ‘għandu siġġu ċert’ . Il-familja Finch ilha żmien toqgħod f’dawk l-inħawi.

It-tfal jissindikaw lill-ġirien. Arthur Radley magħruf bħala Boo ma joħroġx mid-dar. “Ġewwa d-dar kien joqgħod ħares li jixtieq id-deni lill-ħaddieħor. In-nies kienet tgħid li jeżisti imma jiena (Scout) u Jem qatt ma rajnieh. In-nies kienet tgħid li joħroġ bil-lejl meta l-qamar ikun fil-għoli u jgħaddi ħarsa għall-ġewwa d-dar”. It-tfal qatt ma basru kemm iħobbhom.

Huma jgħamlu ħsara lill-ixtieli ta’ mara xiħa u kera, Dubos.  Bħala kastig Jem ikollu jmur għandha kuljum għal xahar biex jaqralha ir-rumanz ‘Ivanhoe’ (ta’ Sir Walter Scott). Qrib il-mewt ix-xiħa tagħti tagħlima lit-tfal.

Ir-rumanz idur mal-ġuri ta’ Tom Robinson. In-nies taf li ser jiddefendih Atticus Finch, li b’disprezz tgħidlu “li hu ħabib tas-suwed”, kliem li jweġġa’ lit-tfal. L-avukat iġib id-dar iz-zija Alessandra għax jaf x’ġej fuqu. It-tfal għandhom ħbieb tamparhom li jħobbuhom kif huma jħobbu wkoll.

Għall-ġuri n-nies tmur bi ħġara. Tieħu l-ikel magħha biex ma titlef xejn. Iż-żewġt itfal jirnexxielhom jidħlu wkoll. Imma kif tista’ ssir ġustizzja f’ambjent fejn il-kelma ta’ dawk ta’ ġilda bajda tiswa ferm iżjed minn dik ta’ dawk ta’ ġilda sewda. Il-ħaqq inħallieh f’idejn il-qarejja għax naf li ħadd minnhom ma hu razzist. Nafhom bħala kontra kull vjolenza, l-aktar dik fuq it-tfal.

watchmen

Harper Lee kitbet rumanz ieħor : ‘Go Set a Watchman’. Min jgħid li dan jissokta fil-ġrajja tar-rumanz fuq isemmi, min jgħid li nkiteb qabel u ġie msewwi. Il-ġrajja tirrakkuntaha il-kittieba u mhux Scout. Il-qarrej isir jaf li Jem miet b’attakk tal-qalb bħal ommu. L-avukat xjieħ.  Bintu titlaq minn New York għal btala fid-dar ta’ missierha. Hemm issib il-ħabib tagħha Henry Clinton li qed jitħarreġ bħala avukat minn missierha. Tibda tintebaħ li r-razziżmu żdied, ma tistax tifhem x’ġara mill-ideali ta’ missierha li kien għallem lilha u lil ħuha. Jiġi l-konfront bejnha u bejn missierha, bejnha u zijuha tabib u oħrajn. It-titlu tal-ktieb hu meħud mill-kapitlu wieħed u għoxrin vers sitta ta’ Iżaija : “Dan qalli l-Mulej / Mur qiegħed għassies / Ħa jħabbar dak li jara.” Fi kliem l-avukat lil bintu, il-kuxjenza hi l-għassiesa ta’ kull bniedem.

Fl-aħħar tal-ktieb Scout tifhem li qabel tgħaddi għall-ħaqq , trid tisma’ lil ħaddieħor, trid tifhem għax il-kuxjenza tgħallmek li trid tirrispetta lil ħaddieħor ta’ rieda tajba fil-ħidma tiegħu biex jgħin lil ħaddieħor.

 

Ħajr lil Agenda Book Shop