Is-settur turistiku se jkun qed jiffoka fuq erba’ objettivi prinċipali fi-sena 2017 – Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis

It-Tnejn filgħodu il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis indirizza lil board il-ġdid tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Il-Ministru għat-Turizmu sostna li l-industrija tat-Turiżmu hija l-mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija, u r-riżultati pożittivi miksuba, b’mod speċjali f’dawn l-aħħar tlett snin, huma l-frott ta’ ħidma kontinwa u kollettiva tal-Gvern kif ukoll tal-partijiet interessati. Madanakollu, huwa saħaq li dejjem hemm lok ta’ aktar ħidma għal-mira ta’ aktar suċċessi.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis reġgħa tenna il-viżjoni li ħabbar waqt id-diskors tiegħu fis-sezzjoni tal-estimi finanżjarji tal-Budget 2017, li s-settur turistiku se jkun qed jiffoka fuq erba’ objettivi prinċipali fi-sena 2017 sabiex niksbu dawn l-għanijiet prinċipali:

  1. Inkomplu bil-ħidma sabiex nilħqu l-wasla ta’ żewġ miljun turist fis-sena 2017;
  2. Investiment u effiċjenza sabiex intejbu l-prodott Malti;
  3. Intejjbu l-kwalita’ fis-servizz u nkabbru l-investiment fir-rizorsi umani; u
  4. Ħidma kontinwa sabiex neradikaw l- istaġjonalità

Huwa saħaq li l-irwol tal-board tal-MTA għandu l-ħtieġa li jiffoka aktar fuq iniżjattivi u policies ġodda u jrid jieħu aktar deċiżjonijiet importanti. F’dan l-isfond huwa elenka bosta iniżjattivi, bħal l-istrateġija ġdida tal-gżira ta’ Kemmuna u li ġie mwaqqaf l-Insolvency Fund. Dwar is-sitwazzjoni ta’ Kemmuna qed jitħejja dokument li jagħti viżjoni ta’ kif għandna mmexxu Kemmuna fid-dawl tal-leġislazzjoni u tal-pjanijiet Ambjentali viġenti. Tkellem ukoll dwar il-Fond li se jobbliga lill-aġenti tal-ivvjaġġar biex jipprovdu sigurtà, b’ kontribuzzjonijet li jridu jsiru għal fond li ser jagħmel tajjeb għar-rifużjoni tal-ħlasijiet kollha f’każ ta’ falliment.

Waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Ministru għat-Turiżmu stqarr li il-Ministeru qed jorganizza konferenza ta’ livell għoli dwar ‘Titjib fil-Kompetittivitá tat-Turiżmu Ewropew permezz ta’ Prodotti Ġodda’, kif ukoll ser itella’ żewġ avvenimenti oħra b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Dinjija tat-Turiżmu (UNWTO) matul ix-xahar ta’ Mejju. Għal dawn il-konferenzi ser ikun hawn f’pajjiżna mistiednin distinti, inklużi ministri tal-pajjiżi Ewropej u mill-Kumissjoni Ewropea, is-Segretarju Ġenerali tal-UNWTO u esperti oħrajn, fejn ser ikun diskuss diversi temi marbuta mat-turiżmu. Huwa stieden lill-membri tal-board b’mod uffiċċjali għal dawn il-konferenzi, fejn hija opportunità f’pajjiżna li jistgħu jiddiskutu s-settur mal-partijiet internazzjonali.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ikkonkluda l-indirizz tiegħu, fejn irringrazzja mill-ġdid lill-membri tal-board tal-MTA għas-suċċessi fl-industrija turistika fejn jidħol tkabbir f’dawn l-aħħar tlett snin, fejn ikkumpara lill-amministrazzjoni preċedenti li kellha ddum seba’ snin biex jilħaq dan il-momentum.