Il-Fabbrika tal-Kanċer f’Marsaxlokk: mistoqsijiet li ħadd ma jrid jistaqsi

Facebook
Facebook
RSS
Follow by Email
Google+
http://maltawinds.com/2016/10/26/il-fabbrika-tal-kancer-fmarsaxlokk-mistoqsijiet-li-hadd-ma-jrid-jistaqsi/

Matul il-kampanja elettorali ta’ 2013, il-Partit Laburista irnexxilu jirbaħ l-immaġinazzjoni tal-poplu Malti b’ħafna slogans sbieħ u effettivi. Wieħed minn dawn l-islogans kien dak li l-power station tal-BWSC hija fabbrika tal-kanċer. Ħafna nies emmnu dan l-islogan, allavolja sal-lum dan il-Gvern għadu ma pprovax li din il-power station għandha emissjonijiet li huma għola minn dawk stabbiliti mill-Unjoni Ewropea. Id-duħħan minn din il-powerstation qatt ma qabeż dawn il-livelli, għax kieku l-Gvern kien jibda jħallas il-multi. Dan il-fatt sal-lum għadu ma giddbu ħadd. B’hekk din il-power station tal-heavy fuel oil kienet qed tħares is-saħħa tal-poplu xlukkajr.

Għalhekk, il-Gvern wiegħed arja nadifa f’Marsaxlokk meta l-arja kienet ġa nadifa. X’hemm isbaħ milli tgħid li l-heavy fuel oil iħammeġ l-arja u huwa l-aktar fuel diżastruż għall-ambjent? Huwa l-aktar fuel li jħammeġ u joqtol bil-kanċer. B’hekk inbniet perċezzjoni li l-gass ser jagħti ambjent u arja aktar nadifa lil Marsaxlokk. Iżda ġara bil-maqlub.

Jidher ċar li l-wasla ta’ dan it-tanker  fil-port ta’ Marsaxlokk ser iħassar din il-perċezzjoni. Ħafna Xlukkajri ġa indunaw u qegħdin kwieti. Oħrajn issa rrassenjaw ruħhom u qed jgħidu li r-rovina bdiet fl-1989 meta nbniet din il-power station f’Delimara.

Il-punt illum huwa ieħor. Jekk qatt f’Marsaxlokk kien hemm fabbrika tal-kanċer, din ġiet maħluqa mill-Gvern tal-Lejber u llum tinsab f’nofs il-bajja. Jekk qatt kien hemm arja ħażina, din bdiet wara l-wasla ta’ dan it-tanker f’Marsaxlokk.

Dak li ser inkun qed ngħid hawn ma hux xi haga li smajt iżda dak li rajt u xammejt jien stess. Iva, ma hawnx biss kwistjoni ta’ x’wieħed jara, iżda anki ta’ x’wieħed ixomm u jibla fil-pulmun tiegħu. Żgur li dak li ser ngħid ma ġietx ittrattat fir-rapport ta’ eluf ta’ pagni li trid sena biex taqrah dwar din il-power station. Iżda ibqgħu żguri li dan ir-rapport huma biss masturbazzjoni intellettwali li ma ser twassal għal imkien. Fil-verita’, l-argumenti vera dwar tniġġiż ma ġewx trattati f’dan ir-rapport ghaliex mhux ser ikunu ġejjin mill-power station iżda mit-tanker li hemm f’nofs il-port. Dak li ser inkun qed nagħmel hu li nittrattahom f’dan l-artiklu.

Bħala persuna li noqgħod f’Marsaxlokk,  għandi l-privileġġ noħroġ nimxi fil-kwiet ta’ filgħaxija. Kif kont għidt qabel l-elezzjoni fuq il-PBS, l-ewwel problema ta’ dan it-tanker ġejja mill-fatt li f’Marsaxlokk għandna bajja pittoreska li f’daqqa waħda qed tinbidel f’port industrijali. Din hija l-ewwel traġedja. F’din il-bajja nfetħu uħud mill-aqwa restoranti tal-ħut li ssib f’Malta u f’Għawdex. Ħafna minnhom huma ta’ Laburisti. Ma tagħmilx sens li tqiegħed tanker industrjali daqs tliet grounds tal-futball f’nofs bajja daqshekk pittoreska, u fl-istess hin taħseb li tista tibqa’ tbieghha lit-turisti. Din hija l-ewwel traġedja. Din fiha infisha ma ġġibx tniġġiż lil-lokalita’. Iżda żgur tkerrah l-ambjent ta’ Marsaxlokk u ser ikollha, kif jgħidu bl-Ingliż, in the long run effett ħażin fuq it-turiżmu f’din il-lokalita’ u anki fuq il-propjeta’.

Imbagħad hemm element ieħor. Dan it-tanker li nġieb fil-port qatt ma kien maħsub biex ikun tanker li joqgħod fil-port għal żminijiet twal. Minħabba l-kobor tiegħu, dan it-tanker hu maħsub biex jibqa’ fl-ibħra u jagħti l-gass lil tankers iżgħar jekk hemm bżonn  f’nofs ta’ baħar u barra mill-portijiet. Ma nafx min kien dak l-għaref li ħaseb biex iġib tanker li qatt ma kien maħsub biex jagħti servizzi f’port f’nofs bajja daqshekk pittoreska. B’hekk tanker li nbena biex ma jservix f’port ser ikun b’mod disentu ġewwa wieħed mill-aktar portijiet pittoreski li għandna fil-gżejjer Maltin.

Imbagħad hemm elementi oħra li ħadd għadu ma tkellem dwarhom. Waqt li l-power station ser tkun taħdem bil-gass, dan it-tanker jaħdem bid-diesel. Issa biex dan jinżamm f’nofs il-port, il-magni diesel tiegħu jridu jinżammu mixgħulin lejl u nhar. Fuq kollox, wieħed ma jeskludix li dawn il-magni ta’ dan it-tanker jaħdmu bil-heavy fuel oil. Xi jfisser dan kollu?

L-ewwel ma jfisser hu tniġġiz tal-ħoss. Qatt qabel ma kien hemm ħsejjes ta’ magni kbar jaħdmu fil-port ta’ Marsaxlokk daqs kemm hemm illum. Il-magni ta’ dan it-tanker jinstemgħu saħansitra minn fuq Tas-Silġ. Naqta’ rasi taħt mannara li dan l-aspett ma ġiex ittrattat mill-esperti li ħadmu fuq dan ir-rapport ambjentali marbut ma’ din il-power station. Nixtieq inkun naf ir-reazzjoni tal-membri tal-bord tal-Awtorita’ tal-Ambjent u l-pożizzjoni dwar dan.

Biss dan mhux l-ewwel element ta’ inkonvenjent. Peress li l-magni ta’ dan it-tanker jaħdmu bid-diesel, dawn idaħħnu il-ħin kollu miċ-ċumnija li hemm fuq wara ta’ dan it-tanker. Meta tqis li dan it-tanker jinsab f’nofs il-port, din iċ-ċumnija hija aktar qrib in-nies milli kienet iċ-ċumnija tal-power station tal-BSWC. Fuq kollox, dan ma kienx tanker maħsub, kif għidt qabel biex joqgħod jaħdem f’nofs il-port. Iċ-ċumnija tiegħu hija baxxa. Ara dik tal-BWSC hija għolja ħalli d-duħħan ikun jista’ joħroġ il-barra. Peress li ċ-ċumnija ta’ dan it-tanker hija baxxa, id-duħħan tagħha qed jispiċċa jibqa’ fil-bajja jew saħansitra jasal sax-xatt fejn hemm l-imwejjed tar-restoranti. Illum in-nies li jmorru jieklu Marsaxlokk ser ikunu qed jieklu fl-ikel, mingħajr ma jindunaw, id-duħħan u l-irmied ta’ din iċ-ċumnija. Jien stess, waqt il-mixja tiegħi, xammejt l-irwejjaħ mal-bajja waqt li rajt id-duħħan ħiereġ minnha.

Wieħed jistaqsi jekk iċ-ċumnija ta’ dan it-tanker għandiex filters jew le, bħal ma kellha iċ-ċumnija tal-BWSC? Wieħed jistaqsi wkoll jekk dan it-tanker u d-duħħan li qed jagħmel jaqgħux taħt ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, bħal ma kienet taqa’ l-Power Station tal-BWSC?  Dawn huma mistoqsijiet li wieħed jistenna li jkunu mwieġba waqt li l-Bord tal-Awtorita’ tal-Ambjent jagħti tweġibiet ċari għal dawn il-preokkupazzjonijiet..

Iżda dan mhux kollox. Kemm ilha li bdiet titħaddem il-power station tal-gass, żdiedu l-ħsejjes f’Marsaxlokk. Dawn jinstemmu l-aktar bil-lejl. Dawn huma indipendenti mill-magni tat-tanker. F’xi ġranet huma aktar qawwija minn ġranet oħra. Żdiedu l-irwejjaħ f’Marsaxlokk. Dawn mhux biss tad-duħħan taċ-ċumnija tat-tanker iżda xi drabi tinxtamm riħa qawwija ta’ gass.

Dawn l-elementi żgur li mhux ser jagħmlu ġid għat-turiżmu f’Marsaxlokk. Wieħed jistenna u jara kif ser jiżviluppa l-bejgħ tal-propjeta’ f’din il-lokalita’. Forsi għal xi uħud fir-raħal ta’ Marsaxlokk, il-preżenza tat-tanker u tal-power station taħdem bil-gass kienet l-aktar marbuta mal-logħob tan-nar u jekk dan jistax jibqa’ jsir jew le. Kompromess malajr jinstab hawn billi t-tanker f’dawn l-avvenimenti kollha jsalpa l-barra bħal ma ħa jkollu jagħmel f’maltempati. F’dan il-kuntest, jien nawgura li jkollna maltempati u logħob tan-nar is-sena kollha ħa neħilsu minn din il-fabbrika tal-kancer li ġiet ġo nofs Marsaxlokk.

Il-problema tiegħi hi, li ħafna min-nies f’Marsaxlokk ferħanin bit-tanker għaliex dan għamlu l-Gvern tagħhom. Ara li kieku għamlu l-Gvern Nazzjonalista, id-diskors kien ikun differenti. Fuq kollox, f’Marsaxlokk kulħadd għal xawwattu jaħdem u hemm numru ta’ nies li mhux veru  jħobbu lir-raħal.

Biss xorta waħda, il-wegħda ta’ Simon Busuttil ma għandix tkun li jinjora l-kuntratt ma’ l-electrogas. Għal ħafna nies dan ma jfisser xejn.Lanqas li jħalli l-power station hawn, għax din għamilha Gvern Laburista. Muscat ukoll kien kontra l-power station iżda qatt ma neħħiha. Anzi, il-Ministru Nazzjonalista li għamilha spiċċa fl-kampanja elettorali ta’ 2013 ma’ Joseph Muscat ġewwa Marsaxlokk jagħmel propaganda għal Lejber meta waqt din l-attivita’ Muscat ddikkjara l-power station bħala fabbrika tal-kanċer!

Jekk il-Partit Nazzjonalista jrid ikun kredibbli, jrid iwiegħed li ma jħallix aktar lit-tanker jagħmel ħsara lil Marsaxlokk u joqtol lin-nies bil-kanċer. Dan ifisser li dan it-tanker irid jitlaq mill-bajja u anki tingħalaq il-power station ta’ Marsaxlokk. Jekk qatt kien hemm fabbrika tal-kancer, din ġiet ikkreata illum bil-preżenza ta’ dan it-tanker u din il-power station tal-gass f’nofs din il-bajja pittoreska.