Onġi Onġi Onġella

Ambaxxatur jiġi.  Jaqdi dmiru. Idum fuq ix-xoghħol skont l-amar tal-pajjiż li bagħtu. Jitlaq, mimli tifkiriet. Xi drabi jiġi lura għax f’Malta għandu fejn joqgħod u jħobb il-pajjiż.  Jinnamra mal-Mediterran u mal-gżejjer tagħna. Jitgħallem ġrajjiethom, tradizzjonijiet tagħhom. Jitgħaxxaq bis-sbuħija tal-ħolqien waqt li l-ħajja tibqa għaddejja. Bniedem kolt li jikteb dwar dak li għadda minnu. “Jien ser nerfagħhom ġol-pitazz il-kbir tiegħi, dak tal-memorja fuq ġbini u xofftejja. Ir-reġistru tat-tluq u dak tal-wasliet, tal-wegħdiet miksura jew imwettqa u tar-rinaxximent. Xejn ma ninsa jien.”

Qed nikteb dwar l-ambaxxatur Franċiż (2008-2011) Daniel Rondeau li l-ktieb tiegħu li hu semma  Malta Ħanina” ġie maqlub għall-Malti minn Toni Aquilina bl-istess titlu u li ser jieġi mniedi fil-Fiera tal-Ktieb li ġejja. Ħdejn il-kappella ta’ San Dimitri fl-Għarb Għawdex. “Għoljiet, bjut, kampnari, rħula, ringiela megaliti, għelieqi. Fjuri kullimkien, dbajja ta’ strixxi ta’ lewn aħmar, le’le’ isfar aktar ċar…. fil-ħamrija ta’ fuq l-irdumijiet, ftit metri bogħod mix-xaqliba wieqfa, għelejjel bil-ħafur salvaġġ fejn qed jikber il-peprin.”

“Il-ħolqien imġerraħ. Mixja filgħodu kmieni bejn Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat. Jinstemgħu xi sparaturi. Id-dawl jirbombja bejn l-għoljiet. Ftit minuti aktar tard, mal-ġenb tal-mogħdija titfaċċa gamiema kannella fl-isfar, izzappap, minfuda b’balla minn naħa sa l-oħra. Qed nara it-toqba mnejn ħarġet il-balla bejn ir-rix”.

Il-kitba li qiesa qed tieħu ix-xogħol ta’ kamera tar-ritratti.

Il-Ġimgħa l-Kbira f’Ħaż-Żebbuġ. Il-puċissjoni. “Ċenturjuni Rumani jlabalbu ma’ prinċipessa lieba libsa sewda bl-isfar jgħajjat, b’fattizzi delikati u pallidi. Qassisin il-kbar Lhud ipejjpu u bil-telefonin ma’ widnejhom ipaċpċu ; bedwin jieħu ħsieb iż-żwiemel.”

L-10 ta’ Frar 2008. Il-festa ta’ San Pawl nawfragu. Il-knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta mżejjna bi kbir. L-Isqof t’Għawdex jagħmel il-paniġirku. Filgħaxijja l-purċissjoni. Il-baned , żewġ baned marbuta ma’ żewġ partiti politiċi jdoqqu waqt li “l-irġiel fuq quddiem tal-purċissjoni jħabbtu idejhom u jkantaw. Huma li jiffissa ir-ritmu jiddeterminaw it-tbandil tal-istatwa mix-xellug għal-lemin ‘l fuq minn rashom. Huma l-mewġ u r-riħ tan-nawfraġju.”

Il-ħolqien u s-sbuħija tiegħu mgħaqqda mal-festi ta’ kull sena. Hemm ukoll Paceville fejn “l-iljieli jiktbu kapitlu…. Kullimkien fuq il-bajjiet jew fil-każini… l-istess disc jockeys iżeffnu b’mod ritmiku l-istess bħall-folol ta’ Dionisjani Driewex li jaqsmu l-istess għatx għall-pjaċir u għan-nisa imbegħdin bejn l-imgħoddi u l-ġejjieni”. Waqt li b’għajnuna Franċiża, l-Maltin isalvaw nies bla pajjiż u bla dar ifittxu l-kenn fostna. Żewġt itfal salvati imma ommhom…”

Sur ambaxxatur ftakar f’Calais. Inti ktibt “Ulisse hu iswed, u qed imut fuq il-baħar fis-skiet tal-mewġ wara xhur ta’ stennija u hemm”.

Ġewwa Għar Dalam iħossu bħal Ġona f’żaqq il-baliena.

Qabel ma ġie l-ewwel darba f’Malta sar jaf li l-Maltin dwar Napuljun ma kienu jgħidu xejn tajjeb. Bin ir-Rivoluzzjoni Franċiża li wara sar dittatur, baqa’ jissemma għas-serq li wettaq f’Malta, l-aktar minn knejjes. Il-mibki Frans Sammut imsemmi f’dan il-ktieb, fl-istudji tiegħu dwar Vassalli kien daħal fil-kwistjoni kif Bonaparti bl-għajta bikrija ta’ Liberté, égalité, fraternité ħoloq lilu nnifsu Imperatur assolut, beda jagħti t-titli tan-nobbilta lill-qrabatu u lin-nies. Il-kittieb f’Malta għamel li seta’ biex juri kif kulturi jissieħbu ma’ oħrajn u jissaħħu. Malta u Franza illum it-tnejn maqgħuda fl-ideal ta’ Ewropa li għad trid tingħaqad.

F’xogħoliet bħal ‘Malta Ħanina’ l-isbaħ partijiet jibqgħu dawk fejn bniedem jitbiegħed mill-għagħa tal-ħajja u jikteb x’fehem u x’ħass. Hekk ifisser “il-binjiet fl-eżistenza tagħna”, “uġiegħat ta’ qalb u l-bnadar imniżżla” u kif daħal lura fil-merħla “li fiha tkun Kattoliku kien ifisser tkun f’minoranza”. Ġarrab il-mewt tal-għażiż missieru. Wara “jien nidħol lura b’għajnejja miftuħa ġor-raħal tiegħi.”

Kliem u vrus iġibu lura tifkiriet li jigħaqdu u jinfirxu biex jerġgħu jinagħqdu għax “l-istorja tinkiteb ukoll fil-ħolm.”

Qawwi u sabiħ il-Malti mħaddem b’sengħa.