Jitneħħa n-numru tas-sigurtà soċjali

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar illi l-użu tan-numru tas-sigurtà soċjali se jitneħħa għall-persuni kollha li għandhom karta tal-identità Maltija bl-ittri M, L, G u H. Din il-miżura ġiet fis-seħħ mill-bidu ta’ dan ix-xahar.

Il-Ministru Farrugia qal illi kull persuna li tagħlaq sittax-il sena se tkun awtomatikament irreġistrata taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali u tirċievi ċertifikat ta’ reġistrazzjoni biex b’hekk  ma jkunx aktar meħtieġ applikazzjoni personalment fl-Uffiċini Distrettwali tas-Sigurtà Soċjali jew online.

Persuni li għandhom karta tal-identità Maltija bl-ittri M, L, G u H se jkollhom numru ta’ referenza uniku, li huwa n-numru tal-karta tal-identità stess, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ bżonnijiet ta’ sigurtà soċjali  jew inkella ta’ taxxa, qal il-Ministru Farrugia.

Dr Farrugia qal li huwa stmat li madwar 4,000 persuna se jibbenefikaw kull sena minn dawn iż-żewġ miżuri ta’ simplifikazzjoni.  Dan ifisser inqas skariġġ għall-pubbliku kif ukoll anqas attendenzi fl-uffiċini distrettwali jew applikazzjonijiet online.

“Persuni mhux Maltin u li m’għandhomx Karta tal-Identità Maltija permanenti se jibqgħu jingħataw in-numru tas-Sigurtà Soċjali minħabba skop ta’ assigurabilità u identifkazzjoni u għalhekk se jibqa’ il-bżonn li japplikaw għan-Numru tas-Sigurtà Soċjali bil-mezzi tal-lum inkluż dak online,” qal il-Ministru Farrugia.