L-ewwel Summit Marittimu Malti ser jiġi varat nhar it-Tnejn 3 t’Ottubru

Kollox jinsab lest biex il-ġimgħa d-dieħla pajjiżna jospita l-ewwel Summit Marittimu Malti li se jsir bejn it-Tnejn it-3 u l-Ħamis is-6 ta’ Ottubru li ġej.

Dan l-avveniment, li se jsir fuq skala internazzjonali bil-parteċipazzjoni ta’ madwar 300 delegat, fosthom ministri barranin, għandu l-iskop li jkompli jikkonsolida r-rieda ta’ dan il-Gvern li jistabilixxi lil pajjiżna bħala ċentru ta’ eċċellenza marittima fil-Mediterran.

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi qal li d-deċiżjoni biex avveniment daqstant importanti jsir hawn Malta tkompli timla lill-Gvern Malti b’kuraġġ biex jaħdem iżjed ħalli jassigura li Malta Marittima tkompli tibbenefika mill-pożizzjoni tagħha f’dan is-settur internazzjonali, kemm f’dak li huwa dħul barrani dirett kif ukoll il-valur miżjud fuq l-ekonomija.

Is-summit se jagħti opportunità unika lil stakeholders fil-qasam marittimu biex jiltaqgħu, jiddiskutu u janalizzaw l-istrateġija marittima tal-UE u dik internazzjonali u l-impatt li qiegħda tħalli fuq l-industrija. Il-konferenza se tkun mifruxa fuq erbat ijiem u hija intiża biex tistimula dibattitu bl-iskop li jitħejjew proposti biex jiġu ppreżentati lilstakeholders u policymakers f’Malta li se jkollhom il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE fl-2017.

Matul din il-ġimgħa, il-Ministru Mizzi se jkollu wkoll numru ta’ laqgħat bilaterali ma’ ministri u stakeholders biex ikompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tajbin li jeżistu f’dan il-qasam.

Intgħażlet proprju Malta bħala d-destianzzjoni li tospita dan is-summit mhux biss minħabba l-pożizzjoni eċċellenti ġeografika tagħha, iżda wkoll  minħabba l-irwol ewlieni tagħha mhux biss fir-reġistrazzjoni ta’ vapuri, iżda fl-aspetti l-oħrajn tal-industrija marittima. Pajjiżna llum għandu rwol kompetittiv, u r-responsabbiltajiet u l-obbligi tiegħu fil-qasam marittimu huma kbar.

Għal aktar informazzjoni dwar is-Summit Marittimu Malti 2016, kif ukoll il-programm, wieħed jista’ jidħol fis-sit www.maltamaritimesummit.com