Leo Brincat approvat mill-pajjiżi kollha għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Fi stqarrija maħruġa il-bieraħ, il-Gvern iddikjara li l-kandidat Malti għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri Leo Brincat kiseb l-approvazzjoni unanima tat-28 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

Kif mitlub mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, isegwi l-vot favur din in-nomina mill-kumitat dwar il-kontroll tal-budget Ewropew kellu jkun il-Kunsill tal-Ministri li jieħu d-deċiżjoni finali wara parir mill-Parlament Ewropew.

Dan il-pass issa seħħ. L-approvazzjoni kompatta tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea tfisser li Leo Brincat għadda mill-għarbiel b’suċċess u bla ebda diskussjoni, u huwa kkonfermat bħala membru fl-istituzzjoni li sservi bħala awditur estern indipendenti tal-Unjoni Ewropea.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-vot qawwi favur il-kandidat Malti juri li qatt ma kien hemm dubju dwar l-integrità u l-kompetenzi tiegħu għal din il-ħatra. Kienet verament ħasra li, fuq livell lokali għall-ewwel darba fl-istorja, pajjiżna ma kienx magħqud wara din in-nomina.

Filwaqt li jilqa’ b’sodisfazzjon din l-approvazzjoni ċara mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern jappella biex, b’rispett lejn id-deċiżjoni tal-istati membri kollha, issa jieqaf il-logħob partiġjan u l-gambetti politiċi, u Malta tibqa timxi ‘l quddiem bħala waħda mill-aqwa pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.