In-Nisa ta’ Chopin

Kate Chopin (1850-1904) ta’ nisel Irlandiż / Franċiż kienet waħda mill-aqwa kittieba Amerikani ta’ novelli. Minkejja kunjomha ta’ mara miżżewġa (ta’ xebba O’Flaherty) ma kellha l-ebda rabta mal-kompożitur Pollakk Frederich Chopin (1810-1849) li miet ftit xhur qabel ma twieldet.

L-aqwa xogħol tagħha hu ‘The Awakening’ li jagħti t-titlu lil ġabra ta’ novelli li ser inħażżeż xi ħaġa dwarhom. Għal żmienha kienet meqjusha bħala kittieba avant-garde. Minkejja li n-novelli tagħha jseħħu fil-Lewiżjana, darba tal-Franċiżi, fl-isfel tal-Amerka. Maż-żmien il-kitbiet tagħha, skont il-kritiċi kellhom messaġġ universali. Fi żmienha in-novelli tagħha kienu meqjusa bħala mhux tajba għaż-żgħażagħ. In-novella ‘ The Awakening’ ġiet ippublikata minn ‘Vogue’.

Il-protagonista Edna Portellier hi mara miżżewġa bit-tfal. Ġrajja ta’ żwieġ li rnexxa kemm fl-imħabba bejn il-miżżewġin kem fit-trobbija tat-tfal. F’daqqa tibda tħoss ġewwa fiha xi ħaġa li qatt ma kienet ħasset u li ma tifhimx x’inhi. “L-ebda kotra ta’ kliem ma kienet tkun daqshekk kbira minn dqiqa żmien ta’ ħemda jew aktar tqila mit-tħabbit tal-qalb ewlieni u xewqani. Għaliha iż-żwieġ isir wieħed mill-ispettakli li l-bniedem, fid-dinja għandu jitħassar. Iż-żwieġ tagħha kien jixbaħ lil ħafna żwiġijiet oħra, turija ta’ ħaġa b’oħra, għamar tax-xorti.” Skont it-tabib Mandelet, karattru fin-novella, li jaf id-dinja u li għandu jmur żewġ Edna, Leonce, billi ma jistax jifhem x’qed jiġri lil martu, iż-żwieġ hu “taħrik biex in-nisa jġeddu r-razza.”  Kittieba tas-seklu dsatax aktarx rabtu il-mara għal kollox mad-dar, maż-żwieġ , mal-familja u mal-femminilita’.

Robert daħal fil-ħajja tagħha. Is-senswalita issir sess bla mħabba, biss ġibda skont il-ħolqien. Għal Edna “l-imgħoddi ma kien xejn għaliha, ma kien joffri ebda tagħlim li kienet lesta tagħti kasu. Il-ġejjieni kien mistur, u hi qatt ma kienet ħabirket biex tidħol ġewwa fih. L-issa biss kien ifisser: kien tagħha, biex iweġġagħha kif kien jagħmel dak il-ħin.  Kienet tilfet dak kollu li kellha, kienet ġiet miċħudha minn dak li kien qed iqum u li kienet tħoss ġewwa fiha.” Bil-mod il-mod Edna tibda titbiegħed minn darha, minn żewġha, mill-familja, mill-ħajja soċjali. Tmur f’dar ċkejkna li ssejjaħ ‘dar tal-bċieċen’, sakemm fl-aħħar tan-novella titlaq lejn il-wisa’ bla tarf tal-ibħra.

Hekk “marret ġewwa ‘l bogħod u l-biża’ qadima ħeġġet għal dqiqa ta’ żmien, wara tbaxxiet. Edna semgħet leħen missierha u leħen oħtha Margarite. Semgħet in-nebħa ta’ kelb xiħ li kien marbut ma’ siġra tas-sikamoru. L-ixpruni ta’ uffiċċjal tal-kavallerija ċekċku waqt li hu mexa minn naħa għall-oħra tal-loġġa. Kien hemm iż-żanżin tan-naħal u r-riħa mista tal-qronfol imliet l-arja”.

Chopin tħalli f’idejn il-qarrej jagħżel x’ġara wara. L-għajta għall-leħen is-sewwa jew l-għajta għall-bidla. Is-sewwa mhux dejjem ħafif biex jitwettaq. L-istess fin-novella ‘ The Father of Desiree’s Baby’  u ‘ Her Letters’.

L-ilsien. Fil-bidu tan-novella il-qarrejja jiltaqgħu ma ‘ pappagall li jaf ħafna ilsna. Kull karattru jista’ isemma leħnu. Min jitkellem bl-Ingliż-Amerikan, min bil-Franċiż, min bit-taħlita (patois), l-ilsien li jfakkar il-kolonjaliżmu u l-iskjavitu’. F ’Beyond The Bayou’ ix-xwejħa Jequeline magħrufha bħala La Folle (il-miġnuna) titkellem waħedha bid-djalett tagħha.

Il-qarrejja jiltaqgħu ma’ Miss McEnders li tagħti isimha lil waħda minn novelli. Din “kienet mara żagħżugħa ta’ ħamsa u għoxrin sena minn tagħna għall-aħħar, kważi safja żżejjed għall-ħolqien ta’ laħam u demm. Kellha ġid u ħin biżżejjed biex tberbaq, u xewqa li toħroġ biex twettaq it-tajjeb – biex tgħolli fil-għoli ġens il-bniedem, u terġa’ tibda d-dinja mill-ġdid fuq qagħda li sserraħ lil kullħadd.”

Fin-novella ‘An Egyptian Cigarette’ sinjura bla isem u kunjom tingħatha kaxxa sigarretti. Tpejjep wieħed. Alluċinazzjoni. Il-pittur li qed ipinġieha jgħidilha li sejjer u qatt ma hu ġej lura. “Sejjer lejn il-belt il-kbira fejn in-nies huma qatgħa bħan-naħal. Sejjer aktar ‘l hinn fejn ġebel ta’ mostri telgħin lejn is-sema f’mafkar għal żminijiet li għadhom ma twelldux.”

L-istħajjil ta’ Kate Chopin welled ħafna nisa oħra, min jgħix ħajja mod, min mod ieħor. Ġewwa fihom iħossu xi ħaġa li qatt ma ħasbu dwarha. Ħajjithom tista’ titbiddel. X’ser jiġri minn dawk qribhom.

 

Ħajr lil Agenda Book Shop